Fi kliem Jason Micallef, il-Labour jeħtieġ jerġa’ jintroduċi r-rwol ta’ Segretarju Ġenerali. Dan meta l-Partit Laburista ilu 16-il sena ma jagħmel tiġdid intern.
Dan qalu Jason Micallef fuq Facebook, fejn spjega biċ-ċar kif fl-2009 kienu tajrulu rasu.
“Wara r-rebha kbira li l-PL kien kiseb fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju tal-2009, kien hemm persuna mhux fl-Amministrazzjoni tal-PL li żied bil-kbir l-indħil tiegħu fuq id-deċiżjonijiet interni tal-PL. Jiena, u d-Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit konna nirreżistuh. Fl-istess perjodu, kien jidher ċar l-involviment fejn ma kienx suppost tal-Kap Eżekuttiv tal-PL li beda jinterferixxi fuq ix-xogħol tiegħi bħala Segretarju Ġenerali, u bl-istess mod fuq ix-xogħol tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-PL. Sakemm lejn l-aħħar tal-2009, fuq proposta tat-Tmexxija tal-Partit, l-Eżekuttiv tal-PL kien ivvota favur li titneħħa darba għal dejjem il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.”
Jason Micallef iddikjara li llum, aktar minn qatt qabel, jinħassċar li l-Partit Laburista qed iħoss bil-kbir in-nuqqas tal-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. “Mhux biss għax din hi kariga naturali f’kull Partit politiku fid-dinja, imma wkoll għaliex il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-PL m’għadhiex tagħmel sens.”
“Qatt ma kienet, u bil-wisq aktar illum. Dejjem ġabet magħha kunflitti żejda fil-Partit. Ir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali f’kull partit politiku, hu wieħed ta’ ħidma intima fl-għeruq u l-intern tal-istrutturi kollha tal-Partit. Il-punt ewlieni ta’ referenza għall-kumitati, delegati, u voluntiera kollha tal-Partit. Għas-Sindki u l-Kunsilliera kollha. Ghall-Fergħat kollha tal-Partit. Jismagħhom, jaħdem id fid magħhom, u jistmahom għax-xogħol kbir li jagħmlu għall-Partit matul is-sena sħiħa.”
“Dan hu l-akbar nuqqas li għandu bħalissa l-Partit Laburista. Kienet ilha ġejja, u tinħass sew fl-għeruq tal-PL. Min jgħid mod ieħor, m’għandux il-polz tal-għeruq tal-Partit. In-nuqqasijiet kbar fl-istrutturi interni tal-partit, in-nuqqas ta’ elezzjonijiet u nies biex joħorgu għall-kumitati tal-Partit spiċċat regola ġenerali.”
“L-istess bħan-nuqqas kbir tal-attivitajiet kulturali, u tal-ħsieb li tant kien magħruf għalihom il-Partit Laburista, sparixxew. Meta jitilqu dawn, jitlaq magħhom l-entużjażmu tan-nies tal-Partit. Għalhekk li rega’ wasal iż-żmien, u nappella lit-Tmexxija, u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL biex tiddaħħal mill-ġdid il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.”