Internazzjonali

Stati Uniti: Theżżiża fit-tellieqa għall-White House, b’Joe Biden jirtira l-kandidatura għall-Presidenza

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħabbar li qed jirtira l-kandidatura biex jikkuntesta mill-ġdid għat-tmexxija tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Demokratiku. Hu qal li ħa d-deċiżjoni fl-aħjar interessi tal-partit tiegħu u l-pajjiż, bl-aħbar qed titqies bħala terremot politiku, erba’ xhur qabel l-Amerikani jivvutaw għall-President li se jmexxihom għall-erba’ snin li ġejjin.

Fl-istess ħin, xi analisti qed jgħidu li d-deċiżjoni ta’ Biden mgħandhiex titqies daqstant bħala sorpriża…Dan meta l-uffiċjali ewlenin tal-Partit Demokratiku ilhom il-ġimgħat iwettqu l-pressjoni biex il-President iwarrab mit-tellieqa peress li hu, fl-età ta’ 82 sena, ma jidhirx li għadu fiżikament u mentalment f’sikktu għal kampanja elettorali.

Fil-fatt, il-pressjoni rrankat wara li Biden bilkemm seta jlissen sentenzi koerenti waqt l-ewwel dibattitu tal-kampanja wiċċ-imb-wiċċ mal-eks President u sfidant Repubblikan Donald Trump…Dibattitu li kompla jżid id-distakk bejn Biden u Trump skont l-aħħar stħarriġ popolari u meta Trump, issa, qed igawdi vantaġġ ċar fuq ir-rivali.

Sadanittant, Biden għamilha ċara li għandu jkompli bil-ftit xhur li fadal tal-mandat tiegħu bħala President tal-Istati Uniti waqt li rringrazzja lill-Viċi-President Amerikan Kamala Harris li fissirha bħala ‘sieħba straordinarja’ tul dawn is-snin ta’ tmexxija.

L-aħħar rapporti, fl-istess ħin, qal li hu, fil-jiem li ġejjin, għandu jindirizza lill-pajjiż biex jiddettalja l-għażla tiegħu u l-konsegwenzi politiċi għall-Partit Demokratiku fil-Gvern.