Enerġija Lokali

“Konna kapaċi nġibu lura l-provvista malajr” … ħlief f’Tas-Sliema, fil-Gżira, f’San Ġiljan u f’Għawdex kollu!

Minkejja li fl-aħħar ġimgħat il-Ministru Miriam Dalli assigurat lill-poplu Malti u Għawdxi li mhux se jkun qed jesperjenza qtugħ tad-dawl bħas-sajf li għadda, il-verità hi li kienet konxja mill-fatt li pajjiżna kien se jgħaddi minn sfida oħra tal-elettriku.

Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu permezz ta’ intervent telefoniku fuq il-midja tal-Labour, il-Prim Ministru Robert Abela ammetta li l-Gvern, ċioè inkluż il-Ministru responsabbli Miriam Dalli – kienu jafu li x-xogħol kien għadu ma sarx kollu.

Minkejja dawn il-jiem u ljieli sħaħ mingħajr provvista ta’ elettriku għal diversi Maltin u Għawdxin – uħud li kellhom iqattgħu sigħat twal mingħajr dawl – Robert Abela ma offra ebda assigurazzjoni jew serħan il-moħħ li dawn l-isfidi se jkunu qed jieqfu fil-jiem li ġejjin… anzi stqarr li x-xogħol se jibqa’ għaddej.

Xogħol li qed jasal wara 10 snin ta’ Gvern Laburista li mill-2014 sal-2024 l-Awditur Ġenerali ddikkjara li ma sar xejn biex isaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.

Intant, aktar qabel tkellem fuq is-Super One l-inġinier Ryan Fava li insista li l-investiment li sar mill-Gvern fl-aħħar ħames xhur fil-provvista tad-dawl kien ta’ għajnuna kbira biex f’ħafna nħawi raw riżultat tajjeb.

Il-Kap tal-Enemalta ftaħar li fl-aħħar sigħat kienu kapaċi jġibu lura d-dawl malajr… apparti dawk il-lokalitajiet li damu sigħat twal.

Għaldaqstant il-poplu preżentament m’għandu l-ebda serħan il-moħħ dwar jekk u meta din l-isfida se tkun qed tiġi eliminata darba għal dejjem.