Hemm bżonn li jittieħdu passi immedjatament, u kif suppost. Dan għaliex l-istess sit li possibbilment wassal għall-inċident fatali li seħħ din il-ġimgħa ‘l barra mill-bajja ta’ San Tumas, għadu aċċessibbli għall-pubbliku.
Sostna dan it-trekker u digital creator Conrad Neil Gatt, fejn ma’ Net News insista illi li kieku l-awtoritajiet konċernati ħadu ħsieb is-sit ta’ Riħama Battery, possibbilment setgħet ġiet evitata traġedja.
Dan intqal wara l-inċident fatali qrib il-Bajja ta’ San Tumas li ħasad il-ħajja ta’ tfajla ta’ 22 sena – b’ritratti jindikaw li allegatament xi ġebel tal-franka mill-istruttura waqgħu fil-bajja.
Ma’ Net News, Gatt, li huwa magħruf għal filmati li jippubblika online biex titqajjem kuxjenza dwar postijiet ta’ wirt kulturali u storiku imprezzabbli f’pajjiżna, insista li dawn il-postijiet, fost oħrajn dan is-sit partikolari tat-18-il seklu fuq l-Għolja tal-Munxar, f’Wied il-Għajn, hemm urġenza li nieħdu ħsiebhom. Madanakollu, filwaqt li rringrazzja lix-Shadow Minister u Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg għall-attenzjoni kontinwa minn naħa tagħha, huwa insista li s’issa, minkejja li hu u sħabu ilhom jappellaw għal xhur u ġimgħat sħaħ, ma rċieva ebda risposta mingħand Ministri jew awtoritajiet konċernati.
Dan filwaqt li insista li dan il-periklu ma jinsabx biss f’Wied il-Għajn, iżda wkoll f’Forti Campbell f’Selmun hekk kif appella dwar il-bżonn li dan is-sit jiġi restawrat mill-aktar fis possibbli għaliex jaf ikun ta’ periklu għall-pubbliku.
Intant, Conrad Neil Gatt spjega li din mhix sempliċi kritika iżda appell ta’ azzjoni biex titqajjem kuxjenza bil-għan li la jintilef aktar wirt storiku u wisq inqas ħajjiet – għaldaqstant kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Kunsilli Lokali konċernati qed jippreżentawlhom proposti għat-tisħiħ tal-wirt kulturali u l-ħarsien tal-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>