Numru ta’ Pulizija li jinsabu sospiżi minn xogħolhom tpoġġew jagħmlu l-istess tip ta’ xogħol, ċioè, xogħol ta’ żamma ta’ sigurtà.
Ironikament dawn l-istewards li se jkunu qed jassistu l-Pulizija fiż-żamma tal-ordni, jinsabu sospiżi mill-Korp fuq akkużi serjissimi – li jinkludu l-involviment tagħhom fir-racket tal-overtime fil-Korp tal-Pulizija.
Din tal-istewards hija inizjattiva ġdida li tħabbret din il-ġimgħa bit-tir li tnaqqas il-kriminalità fil-Belt Valletta, dan wara li f’dawn l-aħħar snin rajna bosta abbużi, ġlied u serq iseħħu fil-Belt kapitali; bir-rata ta’ reati tisplodi ’l fuq.
Għalkemm din l-inizjattiva suppost ġiet immirata sabiex dawn l-istewards ikunu ta’ spalla għall-Pulizija, is-Sunday Times of Malta żvelat kif uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija.li tkellmu ma’ din il-gazzetta, sostnew li “l-Gvern qiegħed jibgħat messaġġ ħażin, għaliex dawn l-istess stewards huma Pulizija sospiżi fuq allegazzjonijiet serji.”
Dan il-fatt kien konfermat anke minn dan l-istazzjon b’mod indipendenti.
Jirriżulta li dawn l-istewards mhux ser ikunu armati, filwaqt li m’għandhom l-ebda dritt jagħtu multi jew iressqu lil xi ħadd. Prattikament dawn l-istwards m’għandhom l-ebda poteri eżekuttivi, bħal m’għandhom il-pulizija taħt il-liġijiet ta’ Malta. U ħadd ma jaf eżatt kif se jkunu qed joperaw fit-toroq tal-Belt.
Intant, ħafna qed jistaqsu jekk din l-inizjattiva l-ġdida hix sempliciment “cushy job”, bħalma rajna bosta drabi tul it-tmexxija Laburista f’dawn l-aħħar 11-il sena, bit-Times issostni li dan ir-rwol ta’ stewards kien biss pjan sabiex dawn l-istess pulizija sospiżi jerġgħu jidħlu lura fl-istess tip ta’ xogħol.
Apparti minn hekk, Net News jista’ jikkonferma li l-Kunsill tal-Belt għadu ma ltaqax dwar din il-materja. B’sorsi jindikaw li s-Sindku l-ġdid – li dwaru kien hemm aspettattivi kbar – qed imexxi għal rasu.
//= $special ?>