Għadd ta’ residenti flimkien mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi qed jappellaw lill-Gvern biex jixtri art privata u jbiddilha fi spazju miftuħ u mħaddar għall-ġid tar-residenti u lokalitajiet oħra fil-madwar.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu, is-Sindku Noel Muscat u l-Viċi Sindku, Jordan Galea Pace sostnew l-importanza li jkun hemm iżjed spazji miftuħa fil-lokalità hekk kif qed jaraw li spiċċat “tifga”.
Huma qed jipproponu li l-art, li tinsab biswit il-Kunsill, tinbidel fi ġnien fil-livell tat-triq, u taħt l-art ikun hemm Ċentru tal-Arti u l-Kultura reġjonali u teatru, kif ukoll parkeġġ.
Huma qed jipproponu li l-fondi biex isir dan il-proġett jingħataw minn Project Green, li għandhom mas-seba’ mitt miljun ewro x’jinvestu biex iħaddru diversi zoni f’Malta.
Komplew isostnu li dan il-proġett se jgħin sabiex jgħaqqad ukoll diversi lokalitajiet, hekk kif huma wkoll igawdu minn dan l-ispazju miftuħ.
Ma’ Net News, Noel Muscat tkellem iktar dwar l-importanza ta’ dan il-proġett.
Bħalissa hemm applikazzjoni sabiex din l-art tinbidel f’bini ta’ appartamenti u garaxxijiet, bil-Kunsill Lokali u anke għadd ta’ residenti li oġġezzjonaw formalment għal dan l-iżvilupp. Ir-residenti ta’ din il-lokalità issa qed isejħu lill-Gvern biex jaġixxi qabel ikun tard wisq – bil-lokalità li mill-ġdid jispiċċa jkollha iktar bini minflok spazji miftuħa u mħaddra.
//= $special ?>