Lokali

Bernard Grech jitlob laqgħa urġenti mal-MCESD b’rabta mal-kriżi tal-qtugħ ta’ dawl

Miriam Dalli għandha tirriżenja

Pajjiżna jeħtieġ direzzjoni bi pjan, u għalhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech talab laqgħa urġenti mal-MCESD biex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista flimkien mal-imsieħba soċjali jiddiskutu l-kriżi li l-poplu Malti u Għawdxi ilu jgħix kaġun tal-qtugħ kontinwu fil-provvista tad-dawl. 

F’messaġġ lin-nazzjon, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar it-talba urġenti għal-laqgħa, filwaqt li insista li Miriam Dalli għandha terfa’ r-responsabbiltà għal wegħdiet mhux miżmuma u tirriżenja minnufih. 

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti jixraqlu Gvern li jippjana u jinvesti fil-provvista tad-dawl, Gvern ġdid li bil-għaqal jinvesti u jagħti garanzija. Huwa qal li kull ma jmur qed jinħareġ fil-beraħ kemm dan il-Gvern ma investiex kif suppost u li qed naffaċċjaw din il-kriżi kontinwa minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar u investiment fl-infrastruttura mill-Gvern Laburista fl-aħħar 10 snin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista elenka l-fatt li Miriam Dalli qalet li l-2023 kienet sena ta’ rekord għall-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, madanakollu l-Awditur Ġenerali sab li l-Gvern investa anqas fl-2023 milli investa fl-2014.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li din hija raġuni oħra għalfejn Miriam Dalli, għandha tirriżenja immedjatament. Fl-istess waqt, meta l-poplu kollu qed ibati minn sofferenzi kbar għall-qtugħ fid-dawl li f’ċertu zoni qed idum sigħat u f’dawn il-jiem rajna Prim Ministru li ħarbu, abbandunaw lill-pajjiż fl-eqqel ta’ kriżi.  Robert Abela Abela ħalla lill-pajjiż bla tmexxija u ma ħatarx Aġent Prim Ministru kif normalment isir skont il-Kostituzzjoni. Dan kollu minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja ta’ Robert Abela fil-kollegi tiegħu fil-Kabinett Laburista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li l-problemi interni fi ħdan il-Partit Laburista jibqgħu jitħallew jaffettwaw it-tmexxija tal-pajjiż. Dan juri l-livell ta’ sfiduċja li għandu fil-kollegi tiegħu fil-Kabinett u l-ġlied intern fil-Partit Laburista.

Fl-istess indirizz lin-nazzjon il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ħafna nies qed jiffaċċjaw sigħat twal mingħajr dawl, b’effetti serji fuq il-ħajja ta’ kuljum, fejn anki negozji qed jitilfu l-opportunitajiet tan-negozju minħabba din il-kriżi. Sa anki ħafna qed ikollhom jissapportu generators barra djarhom li qed joħolqu storbju kontinwu u jniġġsu aktar l-arja. 

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jikkumpensa lil min sofra u ġarrab xi danni minħabba l-qtugħ tad-dawl fl-appliances u apparat domestiku ieħor imma fuq kollox dan il-kumpens ma jnaqqasx l-importanza li tintrefa’ r-responsabbiltà mill-Gvern u n-nuqqas kbir f’dan il-qasam. Nuqqas li kontinwament qed iġib tbatijiet ġodda fuq il-poplu. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li għax ma jridx li l-poplu jerġa’ jgħix il-kriżi nazzjonali li għex matul is-sajf li għadda u l-blackouts li qed jolqtuna f’dawl l-aħħar jiem u ġimgħat. Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jinvesti b’serjetà fid-distribuzzjoni tad-dawl. Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jara li l-poplu ma jibqax ibati min-nuqqas u mill-qtugħ fid-dawl, u fuq kollox il-poplu jkun qed jingħata l-aqwa servizz imsejjes fuq mudell ekonomiku li jrendi u li jagħti kwalità tal-ħajja aħjar lill-poplu kollu.