Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi beda jinstema’ wieħed mill-każijiet ta’ persuni li nqabdu b’dokumenti foloz fil-pussess tagħhom.
Fil-Qorti, it-Tnejn waranofsinhar, intqal li l-akkużat, li ħareġ divjet fuq ismu, ġie arrestat mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni minn ħanut fil-Gżira wara li nħareġ mandat ta’ arrest għall-5 ta’ Lulju ta’ din is-sena.
Jidher li wara investigazzjoni li saret mingħand il-Pulizija konġunta mad-dipartiment tal-Compliance tal-aġenzija Identità, ġie stabbilit li hemm diversi Eġizzjani li ġew imdaħħlin fis-sistema bħala persuni li għandhom relazzjoni ma’ persuni ta’ nazzjonalità Ingliża jew huma miżżewġa lil xi ħadd Ingliż. U b’hekk dan fisser li seta’ jibbenefika minn drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
L-avukat difensur staqsa lill-Ispettur Lara Butters kemm-il każ kien hemm bħal dan, hi wieġbet li kienet domanda irrilevanti. Net News kien żvela fl-aħħar jiem li minn Identità nħarġu ammont sostanzjali ta’ dokumenti foloz, liema dokumenti taw id-drittijiet biex wieħed ikun jista’ jdur f’pajjiżi Schengen. Iżda l-Ispettur irrifjutat milli twieġeb dwar din l-informazzjoni.
Fuq il-pedana tax-xhieda, f’awla 14, l-Ispettur Butters semmiet isem impjegata ta’ Identità, Marija Spiteri li ġiet mitkellma mill-Pulizija hekk kif allegatament kienet proprju din il-persuna li daħlet isem l-allegat fis-sistema. L-Ispettur qalet ukoll li Identità qatt ma kellhom il-file tal-akkużat.
L-Ispettur ikkonfermat li Spiteri m’għadhiex taħdem fl-aġenzija iżda għamlet biss perjodu hemmhekk, fi żmien l-eqqel tal-pandemija fejn kienet taħdem overtime biex tgħin.
Il-Qorti ordnat konfront bejn żewġ xhieda ta’ Identità hekk kif ma bdewx jaqblu f’dak li bdew jgħidu… tant li spiċċaw jgħidu l-oppost ta’ xulxin.
L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet sakemm jinstemgħu iktar xhieda fil-Qorti.
Il-kawża ġiet differita għad-29 ta’ Ottubru.
Iktar dwar dan il-każ:
//= $special ?>