Internazzjonali

Gaza: Kriżi umanitarja akbar fost l-evakwazzjonijiet taċ-ċivili minn zona ta’ refuġju

Il-kriżi umanitarja fin-Nofsinar ta’ Gaza ggravat wara li l-militar Iżraeljan ħareġ direttivi biex iċ-ċivili joħorġu minn artijiet indikati bħala zona li tipprovdi r-refuġju lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra bejn Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas.

L-evakwazzjoni għandha tkun waħda temporanja u sakemm Iżrael jikkonkludi fażi ġdida tal-kampanja militari intiża biex teqred il-kapaċitajiet għal terroriżmu fost il-Ħamas u gruppi oħrajn ta’ militanti Palestinjani.

Il-militar Iżraeljan qal li bilfors kellu jieħu dan il-pass minħabba żieda sinifikattiva fl-azzjonijiet tal-Ħamas fl-inħawi. Dan ukoll meta l-Ħamas qed jispara l-missili lejn il-militar minn fost in-neighbourhoods mimlijin biċ-ċivili fil-belt ta’ Khan Younis.

Intant, l-Iżraeljani qed iħeġġu liċ-ċivili Palestinjani biex jirrilokaw lejn zona umanitarja ġdida – bl-ajruplani militari u l-artillerija, fl-aħħar sigħat, iwettqu l-bumbardamenti ġodda fuq Khan Younis u l-madwar.

Il-Minsiteru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas, sadanittant, qal li tal-anqas 20 persuna, fosthom tfal u nisa, tilfu ħajjithom fil-bumbardamenti – b’numru ta’ tfal midruba jitgħabbew fit-trakkijiet li wassluhom lejn l-eqreb sptar u ċentri mediċi oħrajn,

Fl-aħħar sigħat ukoll ħareġ appell urġenti għal donazzjonijet ta’ demm lill-isptar ta’ Nasser, fil-Punent ta’ Khan Younis – u fejn, fl-aħħar sigħat, kienu qed jitwasslu l-ammonti dejjem akbar tal-midruba.

Il-belt ta’ Khan Younis hi t-tieni l-akbar belt fil-Medda ta’ Gaza  u meta ħafna mill-bini fl-inħawi sfaw meqruda fost l-offensiva tal-Iżraeljani fuq il-Ħamas.

U fil-bidu tax-xahar, kien hemm kriżi oħra tar-refuġjati fl-inħawi, b’għexieren ta’ eluf ta’ Palestinjani jitrasferixxu lejn l-inħawi ġodda fost id-direttivi tal-Iżraeljani biex il-familji jabbandunaw in-neighbourhoods lejn il-lvant ta’ Khan Younis, flimkien mal-ibliet u villaġġi oħrajn fil-viċinanzi.

Dawn ir-refuġjati kellhom imorru fiz-zona umanitarja li twassal mill-inħawi ta’ al-Mawasi sal-belt ta’ Deir-al-Balah – u minkejja li n-Nazzjonijiet Uniti wissiet li z-zona kienet diġà ffullata bil-Palestinjani nieqsa mill-aktar servizzi bażiċi.