Lokali

Grupp ta’ pubblikaturi ngħaqdu biex ileħħnu l-bżonnijiet tal-pubblikaturi u professjonisti lokali

Grupp ta’ pubblikaturi diversi li jinkludu BDL books, ĊAK Ltd., Horizons, Kite group, Kotba Calleja, Merlin Publishers u Midsea books, qed jingħaqdu biex ileħħnu b’vuċi waħda l-bżonnijiet l-aktar pressanti, uħud minnhom antiki, tal-pubblikaturi lokali u tal-professjonisti kollha li jaħdmu fis-settur, mill-istamperiji sal-kittieba u d-disinjaturi. L-industrija Maltija tal-pubblikazzjoni għaddejja minn trasformazzjoni kontinwa, bi sfidi u riskji serji għall-operat, u l-aspettattivi tal-qarrejja u l-konsumaturi nbidlu. Fl-istess ħin, l-ispejjeż tal-produzzjoni, tal-karta u d-distribuzzjoni, inkluż il-pustaġġ, żdiedu filwaqt li l-ħwienet tal-kotba komplew jonqsu biex settur li kien diġà żgħir u vulnerabbli kompla jsofri.

Għaldaqstant, il-pubblikaturi jridu jiddjalogaw mal-entitajiet governattivi responsabbli mis-settur bi proposti u soluzzjonijiet konkreti. Dal-grupp ta’ pubblikaturi jirrappreżenta firxa sħiħa ta’ operaturi, ilkoll bir-realtajiet partikolari tagħhom, u li flimkien jokkupaw mal-75% tas-sehem tas-suq. Li jgħaqqadhom mhux biss l-imħabba għall-ktieb Malti imma d-dedikazzjoni tagħhom li tissarraf f’investiment tanġibbli li ma jaqtax, minkejja suq u profitti dejjem jiċkienu.

Huma dawn il-produtturi tal-ktieb li jżommu ħajja l-letteratura u l-pubblikazzjoni Maltija, minn kotba għall-iskejjel sa pubblikazzjonijiet ta’ riċerka u qari rikreattiv. Il-ktieb Malti jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-għarfien ta’ min aħna bħala poplu, minn fejn ġejna sa fejn sejrin. It-telfa tiegħu tkun tfisser it-telfa aċċellerata tal-memorja kollettiva, il-lingwa u l-idjoma distinta Maltija, il-pilastri li fuqhom jistrieħu l-interazzjonijiet kwotidjani ta’ bejnietna.

L-istat kritiku tal-industrija tal-pubblikazzjoni u l-bżonnijiet serji tal-operaturi jeħtieġu azzjoni urġenti b’intervent dirett. Jeħtieġ li l-gvern jagħraf li s-settur tal-pubblikazzjoni lokali qiegħed fi stat kritiku ħafna u jeħtieġ investiment sostanzjali u urġenti biex jibda miexi ’l quddiem. Dan is-settur, wieħed mill-pilastri tal-kultura u l-kreattività tagħna, ilu wisq jitwarrab u jistħoqqlu ħafna aħjar minn hekk. It-tifħir favur il-ktieb Malti u l-qari mill-politiċi u rappreżentanti tagħna mhux biżżejjed, ma jfisser xejn jekk fir-realtà ma jissarrafx f’investimenti diretti.

Filwaqt li l-pubblikaturi jilqgħu u jappoġġjaw kull inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), inkluż il-premji u l-fondi amministrati minnu, jinnutaw li fil-biċċa l-kbira ta’ dawn ma jiffavorixxux lill-industrija tal-produzzjoni tal-ktieb u l-operaturi l-oħra li mingħajrhom is-settur ma jistax jeżisti. L-inizjattivi ma jħarsux lil hinn mill-impatt immedjat u mhux maħsuba bħala miżuri għas-sostenibbiltà tas-settur.

Il-pubblikaturi qed jipproponu diversi soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati fi żmien qasir u li jistgħu jikkontribwixxu fis-sostenn u t-tkabbir tas-settur. Kwalunkwe strateġija għall-ktieb Malti u l-industrija tal-pubblikazzjoni jeħtieġ li tipprijoritizza s-sostenibbiltà fit-tul tal-operat tal-pubblikaturi, li trid tibda bl-għarfien li n-numru tal-pubblikaturi u s-suq huwa żgħir. Minħabba din il-qagħda partikolari, jeħtieġ li strateġija għall-ġejjieni tikkunsidra bis-serjetà inċentivi fiskali diretti għall-pubblikaturi u għajnuniet li jħajru lin-negozjanti jiftħu ħwienet tal-kotba ġodda.

Din l-istqarrija hija biss il-bidu ta’ djalogu attiv mill-pubblikaturi biex inżidu l-għarfien dwar ix-xogħol u l-bżonnijiet tas-settur biex dan jibda jirkupra u jibda riesaq lejn operat sostenibbli. Bħala pubblikaturi se jkunu qed jaħdmu favur l-operaturi u l-entitajiet kollha li jaħdmu favur il-ktieb Malti b’parteċipazzjoni sħiħa fi kwalunkwe inizjattiva pożittiva għas-settur.