Sport

Il-basketball lokali jirritorna fil-FIBA Europe Cup

Wara nuqqas ta’ 32 sena, il-basketball lokali se jirritorna fil-FIBA Europe Cup bil-partecipazzjoni ta’ Visit Malta Starlites Naxxar Basketball Club. Dan tħabbar uffiċjalment fil-ġranet li għaddew mill-President tal-Klabb Ivan Riolo li 32 sena ilu kien fit-tim ta’ Luxol li kien ħa sehem kontra Slavia Sofia tal-Bulgarija fl-1992.

Preżenti għat-tħabbir tal-partecipazzjoni ta’ Visit Malta Starlites BC kien hemm ukoll il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana, il-kowċ ta’ Starlites Paul Ferrante kif ukoll Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv għal Visit Malta.

Delegazzjoni tal-klabb kienet fi Munich għat-tlugħ tal-poloz minn FIBA Europe fejn għal FIBA Europe Cup qed jikkompetu total ta’ 40 tim maqsuma f’10 gruppi li minnhom 14-il tim jilagħbu f’rawnd ta’ kwalifikazzjoni li minnhom seba’ huma seeded u seba’ oħra non-seeded, fosthom Starlites.

Starlites ittellgħu kontra t-tim qawwi ta’ Ċipru Anorthosis Famagusta, bl-ewwel leg jiltlagħab fil-Kumpless tal-Basketball f’Ta’ Qali, fl-24 ta’ Settembru, u l-partita ta’ ritorn f’Ċipru fis-27 ta’ Settembru.

Starlites li din is-sena qed jiċċelebraw il-25 sena tagħhom, rebħu l-Kampjonat nazzjonali għat-tielet staġun konsekuttiv.

Starlites għall-istaġun li jmiss tilfu żewġ plejers importanti. Il-captain Alec Felice Pace li se jkun qed jilgħab fil-Ġermanja ma’ City Basket Recklinghausen, fir-Regional Liga 1 West, kif ukoll Matt Attard li mistenni jilgħab fl-Awstralja. Bħala captain għal Starlites dan l-istaġun mistenni jkun Ian Felice Pace u Kurt Xuereb.