Illum waranofinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mal-plejers tat-timijiet nazzjonali tal-irġiel u n-nisa tal-basketball wara li dawn kisbu l-medalja tal-fidda hekk kif aktar kmieni dan ix-xahar ikklassifikaw fit-tieni post fil-Kampjonat tal-FIBA Europa għall-Pajjiżi Żgħar.
Bernard Grech awgura lil plejers personalment għal din il-kisba u saħaq li l-isports għall-Partit Nazzjonalista mhux sempliċiment aċċessorju jew delizzju imma huwa wkoll suġġett akkademiku, fejn kull sport jista’ jkun parti integrali mill-ħajja bħala kariera u li jingħata l-istess attenzjoni daqs kull suġġett akkademiku ieħor.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irringrazzja lit-timijiet nazzjonali tal-basketball talli aċċettaw l-istedina għal din il-laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Minn naħa tiegħu, Paul Sultana, il-President tal-Malta Basketball Association, irringrazja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista talli għamel rikkonoxximent tal-unuri li kisbu dawn il-plejers. Sultana esprima wkoll ix-xewqa tiegħu li l-isports f’pajjiżna jingħata aktar importanza u ma jitqisx biss bħala delizzju.
Aktar kmieni dan ix-xahar, it-tim nazzjonali tal-irġiel tal-basketball tilef il-finali kontra t-tim ta’ Andorra bl-iskor ta’ 84-79, fejn it-tim immexxi minn Duncan Fenech kiseb il-medalja tal-fidda, l-istess bħat tim nazzjonali tan-nisa tal-basketball immexxi minn Charles Bonnici, li safa’ megħlub fil-finali min-Norveġja b’distakk ta’ sitt punti.
Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll David Agius, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport.
//= $special ?>