Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-atleti u l-Kumitat Olimpiku Malti għall-Olimpijadi ta’ din is-sena

(Ritratt; Sky News)

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-ħames atleti li ntgħażlu mill-Kumitat Olimpiku Malti għall-Olimpijadi ta’ Pariġi 2024. 

Fi stqarrija David Agius, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport, qal li l-Olimpijadi fejn Malta ilha tieħu sehem mill-1928, huma l-qofol fil-karriera ta’ kull atleta, għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jawgura lill-għawwiema Sasha Gatt u Kyle Micallef, l-atleta Beppe Grillo, il-judoka Katryna Esposito u t-tiratur Gianluca Chetcuti matul din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża.

Il-Partit Nazzjonalista huwa konvint li dawn l-atleti se jkomplu jagħmlu ġieħ lil pajjiżna iżda fuq kollox itejbu l-livell tal-isport tagħhom u jkunu ta’ ispirazzjoni għal bosta.

Nawguraw ukoll lill-kontinġent Malti mmexxi mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u mix-chef de Mission Paul Sultana għall-ħidma li qed iwettqu biex il-livell tal-isport Malti jkompli jiżdied.

Irridu nkomplu naħdmu flimkien biex inkattru kultura tal-isports f’pajjiżna, temm jgħid Agius.