Kaċċattur li allegatament ta daqqa b’marloġġ fuq kaċċatur ieħor u mbagħad spara lejh bi xkubetta tal-kaċċa f’għalqa f’Ħad-Dingli sitt snin ilu, beda għaddej ġuri lbieraħ. Skont l-att ta’ akkuża, Joseph Scicluna, li llum għandu 59 sena, kien ilu jaf lill-allegat vittma Mark Farrugia għal xi 20 sena qabel l-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin tal-31 ta’ Ottubru 2018, f’għalqa fl-inħawi Ta’ Dnat, f’San Ġakbu, Ħad-Dingli.
Scicluna u ħutu kellhom tilwima fuq għalqa u Farrugia kien ġie mħarrek bħala xhud fi proċeduri fil-Qorti. Filgħodu fil-jum tal-inċident, Farrugia mar fl-għalqa tiegħu għall-ħabta tal-4:45am biex jarma t-tagħmir tal-kaċċa tiegħu. Sal-5.30am kien lest u lest biex imur għal kaċċa.
Miegħu ngħaqad Scicluna u t-tnejn tkellmu għal ftit u l-akkużat allegatament tah daqqa b’virga ħoxna tal-injam (marloġġ), tat-tip li tintuża bħala manku għall-għodda tal-biedja. Hekk kif il-virga laqtet mal-ġenb ta’ rasu, Farrugia pprova jiddefendi lilu nnifsu. Inqalgħet ġlieda u ż-żewġt irġiel qabdu f’xulxin u spiċċaw mal-art, ix-shotgun jiżloq minn idejn Farrugia. Scicluna allegatament qabad l-arma, immiraha lejn Farrugia u spara.
Farrugia sofra ġrieħi fl-istonku u f’sidru. Huwa ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika. Sitt snin wara, Scicluna jinsab akkużat b’attentat ta’ qtil, li kkawża feriti gravi, pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq tar-reat, u wkoll pussess ta’ arma mingħajr permess tal-Pulizija.
Xehed quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera s-Supretendent James Grech, li qal li fl-istqarrija li ta l-akkużat id-Depot, li dakinhar ma resaqx lejn l-għelieqi. Qal li baqa’ d-dar u ħareġ biss biex jixtri l-ħobż u biex iwassal lil martu x-xogħol.
Saħaq li ma jafx għala Farrugia kien qed iwaħħal fih. Is-Supretendent Grech qal li nnota tliet girfiet fuq moħħ l-akkużat u xi ġrieħi oħra fuq wiċċu. Mistoqsi dwarhom, Scicluna qal li l-grif għamlithomlu l-qattusa għax qagħad jiffittaha u l-oħrajn għax baqa’ dieħel f’siġra.
Fix-xhieda tiegħu Grech qal ukoll li meta l-Pulizija marret fid-dar tal-akkużat, sabet karozza bil-ġenb kollu tajn u mgħottija. Kompla jgħid li madwar disat ijiem wara, il-Pulizija daħlitilhom informazzjoni li l-istess karozza nqabdet f’filmati tas-CCTV għaddejja minn Triq San Pawl tal-Pitkali direzzjoni lejn il-wied. Qal li meta l-Pulizija ġabret dawn il-filmati, ħareġ li l-karozza għaddiet ftit ħin qabel u wara r-reat.
Is-Supretendent James Grech saħaq ukoll li l-akkużat beda jħawwad meta staqsewh meta mar l-aħħar l-għalqa għax mal-Pulizija qal li mar it-Tnejn, jumejn qabel l-allegat reat, iżda mbagħad qalilhom li spara l-aħħar fil-jum tat-Tlieta.
Waħda biċ-ċomb spiċċat viċin qalb il-vittma. Kien ingħata l-kura fil-post u aktar tard fl-Isptar Mater Dei wara li missieru semgħu jokrob u jitlob għall-għajnuna.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Għall-parte civile qed jidher l-Avukat Edward Gatt.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Wayne Camilleri.
//= $special ?>