Heritage Malta qed tisħaq li m’għandhiex ħjiel kif il-ġebla storika ta’ żmien l-Ingliżi spiċċat fil-pussess tal-Ministru Anton Refalo.
Kien sentejn ilu li sar magħruf b’kumbinazzjoni, wara li iben Refalo stess kixfu f’ritratt li tefa’ fuq il-midja soċjali, li l-Ministru Refalo kien fil pussess ta’ din il-ġebla storika, bil-Pulzija ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja fil-konfront tiegħu.
Biex issa, skont il-Kap Eżekkuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, din il-ġebla tas-seklu 19 ingħatat lura. La Heritage Malta u lanqas Anton Refalo ma ħabbru dan permezz ta’ stqarrija, iżda sempliċiment kellha tkun intervista mat-Times of Malta biex Cutajar jgħid dan.
Mistoqsi jekk jafx kif din il-ġebla spiċċat għand Refalo, Cutajar qal li lanqas biss staqsa kif din spiċċat għand il-Ministru, li ftit snin ilu kien hu stess Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.
Fid-dawl ta’ dan kollu, kemm il-Ministru Anton Refalo, kif ukoll is-supretendent tal-Wirt Kulturali u l-Pulizija rrifjutaw li jwieġbu l-mistoqsijiet.
Fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena l-Ministru tal-Agrikoltura kien iddikjara hu stess fil-Parlament li l-Pulizija ma kinux bagħtu għalih biex jinvestigaw kif il-ġebla storika spiċċat fid-dar tiegħu.
Fl-2022, it-tifel tal-Ministru Anton Refalo kien tefa’ ritratt fuq il-midja soċjali fejn kienet dehret din il-ġebla storika bl-inizjali VR imnaqqxin fuqha.
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta irrefera wkoll għan-nuqqas ta’ sigurtà mal-affarijiet storiċi li huma fil-pussess tagħhom tant li qal li bosta mill-postijiet ta’ Heritage Malta kienu wisq aċċessibbli u għalhekk qed isir investiment ġdid biex dan is-serq ma jkunx aktar possibbli.
//= $special ?>