Lokali

“L-awtoritajiet konxji dwar il-problema tat-traffiku iżda mhuma jagħmlu xejn dwarha”

Minkejja li ninsabu fis-sajf, meta normalment it-traffiku jbatti xi ftit, u quddiem il-fatt li saru għadd ta’ proġetti fit-toroq Maltin, is-sitwazzjoni tat-traffiku għadha problema kbira.

Dan qalitu Astrid Vella f’isem l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, mal-gazzetta The Malta Independent fejn qalet li l-proposti ta’ Infrastructure Malta mhumiex qed joffru soluzzjoni ċara biex jittaffa t-traffiku.

Astrid Vella kompliet tgħid li Infrastructure Malta tinsab konxja li t-traffiku mhux qed jonqos iżda qed jagħżlu li jibqgħu jmexxu bl-istess strateġija. Fil-fatt, minkejja kollox, huwa ċar li miljuni li ntefqu fuq flyovers u toroq ġodda ma solvew xejn għajr komplejna naraw żieda fil-karozzi fit-toroq Maltin.

Semmiet il-fatt li t-trasport pubbliku b’xejn ma solva l-ebda problema li qed iġib it-traffiku miegħu u b’hekk ħeġġet biex verament naraw soluzzjonijiet alternattivi. Dan apparti li t-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata qed iwassal għal problemi oħra, fosthom l-emissjonijiet u problemi ta’ saħħa.

Mistoqsija dwar il-flyover proposta tal-Imsida, Vella qalet li l-proposta ppreżentata mill-Kamra tal-Periti hi l-iktar waħda ideali hekk kif filwaqt li toffri soluzzjoni għat-traffiku fiz-zona, fl-istess waqt toffri zoni ħodra, xi ħaġa li hi tant meħtieġa f’pajjiżna.