Pollakk ta’ 44 sena jinsab jissielet għal ħajtu wara li hu flimkien ma’ tifel ta’ 12-il sena qabżu flimkien minn fuq dgħajsa b’konsegwenza li ġew fuq xulxin.
Il-każ seħħ ilbierah għall-ħabta tat-15:00 meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, wara li raġel weġġa’ f’Kemmuna.
Minn stħarriġ li sar irriżulta li Pollakk ta’ 44 sena, weġġa’ wara li qabeż minn fuq dgħajsa flimkien ma’ tifel ta’ 12-il sena u sfortunatament ġew fuq xulxin.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn membri tal-Emergency Response and Rescue Corps u
wara ttieħed lejn il-Port tal-Imġarr, fejn kien hemm ambulanza li ħaditu l-Isptar Ġenerali ta’
Għawdex.
Aktar tard huwa kien iċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni serja u għalhekk ġie trasferit lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>