Pajjizna ma jistax jibqa’ mingħajr riforma fis-settur tal-edukazzjoni. Dan hekk kif l-unika tama li bħala nazzjon ikollna futur effettiv u ta’ suċċess jinsab biss f’settur tal-edukazzjoni b’saħħtu.
Hekk iddikjara l-editorjal tat-Times of Malta, hekk kif spjega li l-aħħar riżultati li ġew ippubblikati mis-settur tal-edukazzjoni kkonfermaw li dan is-settur jinsab f’limbu. Bl-editorjal issostni li s-settur tal-edukazzjoni ma jistax jibqa’ jsolvi l-problemi li ilu snin jaffaċċja b’manuvri li jniedu soluzzjonijiet short-term.
Il-Prim Ministru Robert Abela, kompla jgħid l-editorjal, qed ifalli milli jara x’jista jsir biex f’pajjiżna jkollna sistema tal-edukazzjoni li tkun aċċessibbli għal kulħadd hekk kif hawn porzjon kbira ta’ studenti li qed ifallu u oħrajn li ġejjin minn familji li huma meqjusa li bħala żvantaġġjati.
L-editorjal innota kif jeħtieġ investiment li jħalli iżjed riżultati, hekk kif dan l-aħħar qbil li ġie iffirmat bejn l-MUT u l-Gvern aktarx li mhux se jsarraf f’wisq riżultati minħabba li dan is-settur jeħtieġ riforma kbira biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom ċans aħjar.
L-Editorjal tat-Times sostna wkoll li din ir-riforma tista’ sseħħ, però jeħtieġ li l-Gvern jiltaqa’ mal-edukaturi, mal-ġenituri, mal-istudenti u ma’ dawk kollha li huma interessati li jinvestu biex b’hekk isir it-tibdil neċessarju.
Fost l-oħrajn l-editorjal għamel referenza għall-aħħar riżultati ippubblikati mill-MATSEC, fejn wieħed minn kull ħames studenti li poġġew għal O-Level fallew mis-suġġetti meqjusa bħala essenzjali: il-Matematika, l-Malti jew l-Ingliż. Waqt li 14% ta’ dawk li poġġew għall-eżamijiet f’livell avvanzat fallew.
L-editorjal irrefera wkoll għar-rapport tal-PISA li kkonferma wkoll li l-ħiliet tal-qari, tal-matematika, u tax-xjenza letterali fost l-istudenti Maltin huma ferm aktar baxxi minn dawk ta’ studenti oħra madwar l-Ewropa, filwaqt li n-numru ta’ studenti li qed japplikaw għas-suġetti tal-iSTEM xorta għadu inqas minn dawk ta’ membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Intant, minkejja li n-nefqa f’dan is-settur hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni Ewropea, xorta waħda Malta għandha wieħed mill-aktar persentaġġ għolja ta’ studenti li ma jkomplux jistudjaw.
//= $special ?>