Internazzjonali

Stati Uniti: Id-Demokratiċi jaħsbu fil-futur, b’Kamala Harris favorita għan-nomina biex tisfida lil Trump

Il-fatt li l-President Joe Biden mhux se jikkontesta għal tieni mandat tal-Presidenza, qajjem ir-riperkussjonijiet kbar fil-kamp tad-Demokratiċi – u daqstant ieħor fost ir-Repubblikani li issa qed ikollhom jibdlu l-istrateġiji tal-kampanja biex jieħdu lura mill-ġdid il-kontroll tal-White House.

Il-President Biden, li se jkompli fil-kariga sal-bidu tal-2025, tard fil-lejl tal-Ħadd ħabbar li kien qed iwarrab mit-tellieqa qabel il-vot ta’ Novembru – u bl-aħbar mistenni jistimola l-prospetti tad-Demokratiċi li, fil-jiem li jmiss, jeħtieġu jegħlbu distakk sinifikanti mar-Repubblikani skont l-aħħar stħarriġ popolari.

Intant, l-għajnejn kollha – wara l-konferma ta’ Biden – jinsabu fuq il-proċess tas-suċċessjoni, bil-Viċi-President Amerikan Kamala Harris qed tingħata appoġġ mill-aktar uffiċjali influwenti tal-Partit Demokratiku biex, f’Novembru, tikkontesta hi kontra l-kandidat Repubblikan (u eks President Amerikan) Donald Trump. Dan meta Harris għandha wkoll l-appoġġ sħiħ ta’ Biden li faħħar ‘il-kwalitajiet tagħha biex tmexxi pajjiżha’.

Min-naħa tagħha, Kamala Harris qalet li beħsiebha turi li ħaqqha tassew li tkun innominata bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku – u meta diversi kritiċi huma xettiċi dwar kemm l-Amerikani se jarawha tassew bħala ‘alternattiva denja’ għal Trump.

Intant, sar magħruf, issa li l-aħbar li Biden qed jirtira mit-tellieqa għall-White House ħarġet meta n-nies ta’ madwar il-President bilkemm kienu jafu dwar l-intenzjonijiet tiegħu. Dan meta d-deċiżjoni ttieħdet fi żmien meta hu jinsab fir-residenza tiegħu f’Delaware, fejn qed jirkupra mill-effetti tal-Covid-19.

Hemm ukoll min qed jgħid li Joe Biden ‘ma kellu l-ebda għażla oħra’ ħlief li jċedi postu għal kandidat ġdid fost il-pressjoni minn diversi Senaturi u Uffiċjali ewlenin tal-Partit Demokratiku – ilkoll persuni influwenti li, qabel, esprimew allarm dwar it-telf  konsistenti ta’ appoġġ għal Biden fost il-poplu li kien qed isir dejjem aktar diżilluż bil-President Amerikan li, illum, bilkemm qed jirnexxilu jesprimi ruħu sew waqt id-diskorsi pubbliċi.

Id-donaturi lill-Partit Demokratiku wkoll, fl-aħħar ġimgħat, esprimew l-inkwiet dwar is-sitwazzjoni ta’ Biden – madankollu, dritt wara l-aħbar li hu mhux se jikkontesta l-elezzjoni, żdiedu bil-kbir id-donazzjonijiet pubbliċi għall-kampanja ta’ dan il-partit.