Lokali

Taqa’ l-maskla: Il-Kummissarju tal-Pulizija jikkonferma li hu ħaġa waħda mal-aġenda tal-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq juri solidarjetà mal-uffiċjali kollha fil-Korp tal-Pulizija, u filwaqt li jirringrazzjahom tax-xogħol tagħhom, jagħmel appell biex jibqgħu jaħdmu favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Il-Partit Nazzjonalista qed jesprimi dan fid-dawl ta’ intervista li saret lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà mill-Prof. Andrew Azzopardi fuq RTK 103, li kompliet tixgħel bozza ta’ allarm fuq l-istat tal-Korp. Fir-risposti li ta, il-Kummissarju wera r-raġuni għalfejn il-Gvern għażel li jġeddidlu l-inkarigu u li f’din l-intervista kompla jikxef ir-raġuni dwar għalfejn hemm uffiċjali li qatgħu qalbhom mit-tmexxija tal-Korp: b’kummenti politiċi mhux f’lokhom mill-Kummissarju, jikkritika lill-ġudikatura dwar l-inkjesti kif ukoll li għażel hu fuq liem investigazzjonijiet jikkummenta fil-pubbliku dwarhom u liem eskluda.

Huwa ta’ dispjaċir kbir li l-Kummissarju tal-Pulizija jasal fi stat li jħossu komdu jgħid li xogħol il-Korp hu li jwettaq il-manifest elettorali tal-Gvern, u fl-istess intervista jistqarr kemm hu viċin mal-Ministru tiegħu – u min-naħa l-oħra jgħaddi kummenti politiċi fuq l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu kliem li jipperikola l-ħidma u r-reputazzjoni tal-uffiċjali fil-Korp.

Bla tlaqliq, il-Partit Nazzjonalista jistqarr li ma jistax jifhem kif il-Kummissarju tal-Pulizija ħassu komdu jgħaddi kummenti li jippruvaw jiskreditaw il-Maġistrat fuq l-inkjesta dwar il-bank Pilatus, iżda mbagħad qagħad lura milli jikkummenta fuq skandli u investigazzjonijiet oħra bħal dwar tal-benefiċċji soċjali jew dwar allegazzjonijiet fuq Identità – jew saħansitra jikkummenta u jipprova jiġġustifika s-suċċess li sar billi ħriġna mil-lista tal-greylisting tal-FATF.

Din l-intervista kompliet issaħħaħ dak li qal il-Partit Nazzjonalista kemm-il darba, li hemm persuni denji oħra li ħaqqhom u kapaċi jokkupaw dan ir-rwol tant importanti minflok il-Kummissarju Angelo Gafà. Li fuq kollox jaqdu dmirhom kif jixraq lill-pajjiżna.

Din kienet konferma kemm il-Kummissarju tal-Pulizija preżenti jħossu komdu jgħid li hu viċin tal-politika fil-Gvern.

Dan intqal fi stqarrijja mil-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carbott.