Lokali

“Allegatament l-Eks Direttur Alex Dalli sadd it-toqob tal-ventilazzjoni fil-ħabs” – Andrew Azzopardi

L-Eks Direttur tal-Ħabs, Alex Dalli allegatament sadd it-toqob tas-sistema ta’ ventilazzjoni fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Hekk allega l-Professur Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, f’intervista ma’ Net News hekk kif kien qiegħed jitkellem dwar is-sitwazzjoni prekarja li l-priġunieri jinsabu fiha partikolarment fl-eqqel tas-sajf.

Andrew Azzopardi saħaq li fl-aħħar snin fil-ħabs sar titjib iżda ma jfissirx li l-ħażin ġie eliminat għal kollox. Dan filwaqt li insista li mhux qiegħed isir biżżejjed min-naħa tal-politiċi.

Huwa sostna li hemm diversi nies fi ħdan il-Faċilità li qed jagħmlu ħilithom, madanakollu għad fadal ħafna xi jsir partikolarment fuq il-ventilazzjoni – sempliċiment fejn għandha x’taqsam arja, u mhux sempliċiment arja kundizzjonata – fatt li Azzopardi spjega li l-pjanijiet ilhom issa għaddejjin is-snin.

Andrew Azzopardi saħaq li allegatament fil-ħabs hemm numru ta’ extractors li mhux qiegħdin jaħdmu u li ironikament it-tmexxija tal-ħabs qed tbiegħ coolers li jaħdmu bis-silġ… li s’intendi meta wieħed jipprova juża tali apparat f’dik is-sħana ftit li xejn se tkun ta’ għajnuna.

Huwa insista li ta’ kull sena jiġu rilaxxati mill-ħabs medja ta’ 2,000 persuna u staqsa jekk l-awtoritajiet iridux verament riforma u nies li jagħtu kontribut lis-soċjetà – jew inkella persuni li jerġgħu jispiċċaw residenti fil-Faċilità Korrettiva.

Aktar kmieni dan ix-xahar ix-Shadow Minister responsabbli mill-Intern, Darren Carabott, insista dwar il-bżonn ta’ infrastruttura xierqa fil-ħabs b’kundizzjonijiet tajbin li wieħed jingħata ċ-ċans li jinbidel. Filwaqt li rrikonoxxa li l-ħabs mhux lukanda, huwa insista li dan lanqas huwa maqjel iżda skola ta’ riforma tal-persuna b’dixxiplina u tama.