Internazzjonali

Gaza: Traċċi tal-poljo… fost l-inkwiet dwar epidemija f’sitwazzjoni ta’ gwerra

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) esprimiet inkwiet kbir dwar il-possibbiltà li tfeġġ epidemija tal-poljo f’Gaza. Dan wara li nstabu t-traċċi tal-virus fl-għadajjar tal-ilma qiegħed u sorsi oħrajn fit-territorji.

Ayadil Saparbekov, li qed imexxi l-iskwadra medika tal-WHO fit-territorji Palestinjani, qal lill-ġurnalisti li t-tobba qegħdin janalizzaw is-sitwazzjoni permezz ta’ proċess magħruf bħala ‘risk assessment’.

Għalissa, il-ħaddiema tas-saħħa qed jagħtu l-pariri lill-popolazzjoni ta’ 2.3 miljun Palestinjani f’Gaza dwar l-aħjar mezzi ta’ protezzjoni kontra l-virus.

Madankollu, il-WHO qed tirrikonoxxi li diffiċli ħafna biex il-Palestinjani f’Gaza jżommu mal-kriterji ideali li jħarsu kontra l-marda. Dan wara li s-servizzi tal-ilma u s-sanità fit-territorju kważi nqerdu kompletament kaġun tal-battalji bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas.

It-traċċi tal-poljo, sadanittant, instabu wkoll fil-kampjuni tad-drenaġġ li nġabru xahar ilu minn żewġ siti fil-Medda ta’ Gaza. Dan fost indikazzjonijiet li l-poljo jista’ diġà qed jiċċirkola  bejn iz-zoni ffullati bil-familji u residenti oħra.

Filwaqt li ma nstabux ‘każi uffiċjali tal-poljo’ f’Gaza, il-militar Iżraeljan qed ilaqqam lis-suldati f’Gaza li qegħdin imexxu l-offensiva kontra l-Ħamas.

Sadanittant, il-keliema għall-WHO u għall-Aġenzija tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF), jemmnu li ’l quddiem se jkun hemm il-ħtieġa għal programm ta’ tilqim ‘sħiħ u assolut’ għar-residenti fil-Medda ta’ Gaza.