Maġistrat ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga żewġ uffiċjali mill-aġenzija tal-gvern Identità wara li dawn taw xhieda kunfliġġenti fil-Qorti. L-uffiċjali dehru bħala xhieda fi proċeduri kontra raġel Eġizzjan li jinsab akkużat li ta informazzjoni falza biex jikseb permess ta’ residenza f’Malta.
Ir-raġel Eġizzjan, Moustafa Ata Moussa Darwish, kien qal lill-aġenzija li kien miżżewweġ lil mara Ingliża.
Iżda l-każ fil-konfront ta’ Darwish ħa żvolta meta uffiċjali ta’ Identità fil-Qorti taw verżjonijiet kunfliġġenti dwar jekk il-fajl tar-raġel kienx disponibbli, u wassal lill-Maġistrat Kevan Azzopardi biex jordna investigazzjoni tal-pulizija.
Lil Darwish kien inħariġlu l-permess f’Marzu 2023, iżda l-karta ta’ residenza ġiet revokata fuq ordnijiet tal-pulizija x-xahar li għadda. Il-Kap tal-Informazzjoni Stefano Rodoligo qal li kien talab uffiċjal mis-sezzjoni f’Identità biex ifittex il-fajl fl-arkivji tal-aġenzija.
Rodoligo, xehed li Isaac Micallef, mis-sezzjoni Espatrijati, kien ħa personalment il-fajl mitlub fl-uffiċċju tiegħu. Il-fajl kien fih dokumentazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-akkużat għal permess bħala membru tal-familja mhux tal-UE.
Ix-xhieda ta’ Rodoligo għorkot għajnejn il-Maġistrat li staqsih jekk kienx ċert minn dak li qed jgħid. Eżatt qabel Rodoligo, Micallef kien qal lill-Qorti li ma sab ebda traċċa tal-fajl fuq is-sistema tal-aġenzija jew fl-arkivji.
Il-Qorti mbagħad ordnat lil Micallef biex itenni dak li kien qal fil-preżenza ta’ Rodoligo. Micallef reġa’ kkonferma li ma sabx il-fajl li kien inkarigat li jfittex ġimgħa ilu. Micallef kien ingħata lista ta’ ismijiet biex ifittex.
Xhud tiċħad li hija miżżewġa lill-akkużat
Xhud ieħor kienet mara Ingliża, li suppost kienet miżżewġa lill-akkużat. Qalet li fl-2022 uffiċjal minn Identity Malta, kif kienet magħrufa l-aġenzija dak iż-żmien, ċemplet biex jistaqsiha jekk kinitx sponsorjat xi membru tal-familja biex jieħu r-residenza f’Malta.
Hija ċaħdet it-talba permezz ta’ email u ma semgħet xejn aktar sakemm irċeviet telefonata aktar riċenti mill-Ispettur Lara Butters mill-Immigration Unit tal-Pulizija, li staqsiet jekk hix miżżewġa u jekk qattx ivvjaġġat l-Eġittu jew kellhiex qraba Eġizzjani.
Il-mara xehdet li ma kellha x’taqsam xejn ma’ xi ċittadini Eġizzjani, u ċaħdet li qatt kienet miżżewġa lill-akkużat. Dan il-każ, bħal tnejn oħra li fihom irġiel Eġizzjani ammettew il-ħtija u ġew ikkundannati sitt xhur ħabs, ħareġ fil-beraħ wara investigazzjoni interna mill-Compliance Unit ta’ Identità.
Il-każ imbagħad għadda lill-pulizija għal aktar investigazzjoni. Taħt il-ġurament, l-Ispettur Lara Butters ikkonfermat li l-permess ta’ residenza nħareġ fuq presemssa falza billi tkellem mal-mara minħabba li ma kienx hemm file f’Identità. Xehdet li fuq il-kompjuter kien hemm biss applikazzjoni.
Ippressata mill-avukat difensur, Butters ammettiet li l-uffiċjal ta’ Identità, Maria Spiteri, li kienet taħdem fis-sezzjoni tal-espatriati tal-aġenzija, daħlet dettalji tal-applikazzjoni fuq is-sistema tal-kompjuter.
L-aġenzija tgħid biss li qed tikkoopera ma’ investigazzjoni tal-Pulizija li għadha għaddejja. L-Ispettur Hubert Gerada xehed li Darwish daħal Malta b’mod irregolari f’Awwissu tal-2018 bħala parti minn grupp ta’ 59 persuna salvati fil-baħar.
Huwa ma kellu l-ebda dokumenti personali iżda biss mowbajl Samsung. Madankollu, f’Ġunju 2022, Darwishi vvjaġġa lejn Istanbul b’passaport Eġizzjan u permess ta’ residenza Malti. Rappreżentant mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali qal li l-applikazzjoni tal-akkużat għall-istatus ta’ ażil ġiet miċħuda u għadha suġġetta għal appell.
Il-permess ta’ residenza tal-akkużat ġie revokat wara li rriżulta li allegatament inkiseb permezz ta’ dikjarazzjoni falza. Il-Qorti laqgħet talba għal libertà proviżorja mas-sid ta’ barbier fejn Darwish kien impjegat regolarment.
Min iħaddem lill-akkużat kellu jassigura garanzija ta’ €5,000 minn terza persuna ‘l fuq minn garanzija personali ta’ €10,000 li torbot lill-akkużat. L-Ispettur Lara Butters u Christian Abela mexxew il-prosekuzzjoni. Għal Darwish dehru l-avukati Nicholas Mifsud u Tiziana Micallef.
//= $special ?>