Tal-anqas raġel tilef ħajtu, b’oħrajn jisfaw midruba wara li l-qawwiet Ukreni sparaw id-drones fid-direzzjoni ta’ ferry li kien qiegħed fil-Port ta’ Kavkask, fin-Nofsinar tar-Russja.
L-awtoritajiet fl-inħawi ta’ Krasnodar, wara, ikkonfermaw li l-ferry kien qed jaqbad u li ma kienx hemm periklu li n-nirien setgħu jinfirxu lejn bnadi oħra.
Il-port jinsab ftit kilometri biss ‘il bogħod mill-Pont ta’ Kerch, li jintuża mill-vetturi u mezzi oħra tat-trasport għall-vjaġġi bejn ir-Russja u l-Penisola tal-Krimea – il-Penisola li r-Russi kienu ħatfu lill-Ukreni waqt l-ewwel xhur tal-2014.
Intant, mhux eskluż li l-attakk bid-drones seta’ ħalla aktar mejtin u midruba fl-inħawi tal-port li, fl-aħħar sigħa, imtlew bl-iskwadri għall-emerġenzi.
Hu minnu wkoll li l-qawwiet Ukreni ilhom iwettqu l-attakki fuq iz-zona madwar il-Pont ta’ Kerch mindu l-qawwiet tar-Russja invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Sadanittant, il-bastimenti tal-qawwiet tal-baħar Russi li kienu bbażati l-Krimea, spiċċaw mgħarrqin inkella ġarrbu ħsarat kbar fost l-attakki tal-Ukreni. F’din is-sitwazzjoni, il-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed kellha tirriloka kważi l-vapuri tal-gwerra kollha mill-Krimea lejn diversi portjiet oħra.
//= $special ?>

