Lokali

Jitħabbru r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2024

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar ir-rebbieħa tal-Fond Malti tal-Ktieb 2024. Se jkunu qed jieħdu l-fondi 31 proġett bejn proġetti ta’ pubblikazzjoni u oħrajn ta’ esportazzjoni u traduzzjoni.

Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji mfassla minn qabel, fosthom: is-saħħa u s-sħuħija tal-applikazzjoni, il-valur kulturali u edukattiv tal-pubblikazzjoni proposta, l-udjenza mira, l-ingaġġ mas-suq tal-pubblikazzjoni, u l-attwalizzazzjoni tal-proġett.

F’din l-edizzjoni saru xi tibdiliet strutturali fil-fergħat, l-aktar dawk tat-traduzzjoni sabiex ikun rifless aħjar l-element ta’ esportazzjoni letterarja.

Il-Bord tal-Aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2024 kien magħmul minn Conrad Thake, Aaron Aquilina, Karsten Xuereb u Caldon Mercieca, li kkunsidraw il-kriterji msemmija u oħrajn, u taw fondi b’mod parzjali jew sħiħ.

L-aġġudikanti nnutaw li bħala regola l-applikazzjonijiet eliġibbli kienu mirfudin mid-dokumenti mitluba fir-regolamenti. Madankollu rrimarkaw ukoll li numru ta’ applikazzjonijiet kellhom xi dokumenti ewlenin neqsin u għaldaqstant sofrew tnaqqis fil-marki li fissru wkoll marki baxxi. Kien hemm applikazzjonijiet li ma kinux eliġibbli minħabba dokumenti essenjali neqsin.

Qalu wkoll li l-maġġoranza tal-applikanti daħlu f’dettal rigoruż. Madankollu, innutaw li b’mod ripetut l-applikanti ma kinux qed jagħtu l-kuntest usa’ li fihom il-proġett tagħhom kien se jkun. Ngħidu aħna ma kkwotawx xogħol ieħor eżistenti fl-għalqa ta’ riċerka tal-proġett tagħhom, inkella għal proġetti ta’ finzjoni ma semmewx temi jew motivi simili li ssib f’xogħlijiet oħra. L-aġġudikanti qiesu dan bħala nuqqas t’għarfien tas-suq lokali.

Madankollu, l-aktar punt li l-aġġudikanti qablu dwaru huwa l-ħtieġa li jkun hemm impenn akbar mill-applikanti sabiex jinkludu s-servizzi ta’ editjar u qari tal-provi. Saħqu li proġett li ma jagħtix importanza lill-editjar u l-qari tal-provi jinsab fi triqtu biex ikun potenzjalment ktieb fqir.

Sad-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet fl-24 ta’ Mejju, il-Fond Malti tal-Ktieb 2024 irċieva 88 sottomissjoni mifruxa fil-fergħat differenti. Il-baġit totali kien ta’ €120,000, li dis-sena nqasmu hekk:

  1. €50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda
  2. €10,000 għall-Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa
  3. €40,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni, Kat 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin
  4. €5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni, Kat 2: Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch
  5. €15,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

Kull għotja tista’ twieżen sa 100% tal-proġett propost u sa massimu ta’ €5,000 f’kull fergħa, tneħħi dawk fl-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch, li jistgħu jingħataw sa €500 għal kull proposta. Sabiex jiġi assigurat li l-Fond iwieżen kemm jista’ jkun proġetti li jkun ħaqqhom u li l-flus jintużaw kollha, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriżerva d-dritt li jmexxi fondi mhux utilizzati minn fergħa għal oħra.

Importanti jiġi nnutat ukoll li jekk wieħed ma rnexxilux jikkwalifika għall-fondi f’din l-edizzjoni, jista japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew bi proġett differenti meta terġa’  toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.

Il-KNK se jkun qed jikkuntattja lill-applikanti li ħadu l-fondi sabiex jiffirmaw il-kuntratt, li jagħtihom ċans sa massimu ta’ 24 xahar sabiex ilestu l-proġett mid-data tal-firma tal-kuntratt.

Il-proġetti rebbieħa tal-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda kienu 11. L-applikanti huma Alfred E. Baldacchino; Carmel Cassar; Christopher Gruppetta; David Grech; Jean Paul Borg (Inizjamed); Joe Gatt, Loranne Vella (Aphroconfuso); Joseph Borg; Mark Amaira; Mark Camilleri (Dar Camilleri); Norbert Francis Attard (Norbert Francis Attard Foundation); u Omar N’Shea.

Ir-rebbieħa tal-Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa kienu tnejn. L-applikanti huma Joseph Borg u Anthea Enriquez (L-Għaqda tal-Malti/ KKM).

Il-kategorija tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni, Kat 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin intrebħet minn disgħa. Dawn huma l-applikanti Emuse Books (Mariagrazia Dell’Oro); Dejan Matić (Treći Trg); Axis Yayinlari (Axis Publishing House) (ĺzzet Őzgűr Őgűtcen); Azam Dauti (Shkupi Publishing House); Gezim Tafa; Salvo Bonfirraro (Casa Editrice Bose Giesse [imprint: Bonfirraro Editore]); Julijana Velichkovska Dimonska; Mariyka Prodanova u Kalliopi Mavrea.

Ir-rebbieħa tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni, Kat 2: Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch kienu ħamsa. L-applikanti huma Ryan Falzon; Claudia Gauci; Matthew Schembri; Glen Calleja u Rita Saliba.

Ir-rebbieħa tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti kienu erbgħa. Dawn huma l-applikanti Mark Vella; Sergio Portelli; Christopher Gruppett u Joseph Pulè.