Futbol Sport

Kollox miftuħ għat-tieni leg tal-Ħamrun wara draw ta’ bla gowls fil-Kosovo

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

BALLKANI ……………………………………………0

ĦAMRUN SPARTANS …………………………..0

Ballkani: E.Kollici, G.Halili, A. Thaqi, B.Jashanica, A.Potoku (G.Smajli 78’) , Queven (E.Abedini 87’), L.Emerllahu, M.Ismahkgeci (E.Ajazaj 60’), W.Hamidi, B.Karrica, A.Kyeziu (B. Tolaj 78’)

Ħamrun S: H.Bonello, M.Ellul (S.Xerri 78’), Mayron, E.Marcellina, S.Borg (W.Barros 64’), D.Letherby, Elionay (T.Barboza 64’), R.Prsa, J.Mbong (J.Corbalan 50’), Raphael, Vitao (L.Montebello 64’)

Imwissija: E.Ajazaj 62’ (B), Raphael 31’, S.Borg 35’, Elionay 58’

Referee: Walter Altmann (Awstrija)

Assistenti Referees: Andreas Witschnigg u Mattias Hartl (Awstrija)

Ħamrun Spartans se jħallu kollox għal gimgħa d-dieħla hekk kif l-ewwel konfront tagħhom kontra Ballkani mill-Kosovo fit-tieni rawnd tal-kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League, temm fi draw ta’ bla gowls. Partita nieqsa totalment mill-azzjonijiet, bl-iktar azzjoni notevoli tal-partita probabbilment tkun il-penalty tal-midfielder ta’ Ballkani Lindon Emerllahu li spiċċa bara wara 20 minuta logħob.

Ballkani bdew il-partita fuq l-offensiva hekk kif wara 12-il minuta logħob huma kellhom l-ewwel azzjoni permezz ta’ Potoku li ma rnexxilux jikkonkludi fix-xibka.

Fid-19-il minuta Ballkani ngħataw penalty wara li d-difensur veteran Emerson Marcelina kkommetta foul fuq l-attakkant Karrica fil-kaxxa ż-żgħira. Lindon Emerlahhu nkariga ruħu mill-penalty, bil-midfielder ma jirnexxilux jegħleb lil Bonello minn 12-il metru bogħod.

L-ebda azzjoni denja ta’ nota fil-kumplament tal-ewwel taqsima, bil-Ħamruniżi ma jimpenjawx lill-goalkeeper Kolici.

Fit-tieni taqsima l-partita dehret li biddlet l-andament hekk kif il-Ħamruniżi pprovaw jilagħbu iktar bil-kontrattakk, mentri Ballkani kienu iktar kawti mill-possibbiltà li jaqilgħu gowl minn kontrattakk, speċjalment mal-introduzzjoni ta’ Juan Corbalan u Luke Montebello matul it-tieni taqsima.

Fis-60 minuta Hamidi jipprova xortih minn tarf il-kaxxa, madankollu Bonello jintervjeni tajjeb u jevita l-periklu.

Sitt minuti wara din id-darba Karrica jipprova jegħleb lill-goalkeeper internazzjonali Malti, madankollu Bonello għal darb’oħra jsalva tajjeb. Fid-69 minuta xutt mid-distanza ta’ Engjell jgħaddi ‘l bogħod mill-lasti ta’ Bonello.

Ballkani baqgħu jattakkaw sal-aħħar mumenti tal-partita, hekk kif fit-83 minuta s-sostitut Tolaj, frisk minn fuq il-bank, jaħrab b’ġirja mil-lemin u jixxuttja lejn il-lasta ta’ Bonello, madankollu l-konklużjoni ma tkunx tajba biżżejjed u tispiċċa barra.

L-aħħar azzjoni tal-partita waslet proprju fid-90 minuta mit-tentattiv ta’ Dulaj minn tarf il-kaxxa, madankollu Bonello jsalva għal darb’oħra.

Ħamrun Spartans issa jaffrontaw lil Ballkani t-Tlieta 30 ta’ Lulju fit-8:00pm.