Sport

Kontinġent f’Pariġi ta’ 10 atleti mill-Palestina

Filwaqt li kompla l-influss ta’ atleti u uffiċjali fil-Villaġġ Olimpiku meta ninsabu jiem mill-Ftuħ tal-Olimpijadi, l-attenzjoni tinsab f’Saint Denis fuq żewġ atleti mill-kontingent ta’ għaxar atleti, tmint irġiel u żewġ nisa li se jirrappreżentaw lill-Palestina f’sitt dixxiplini fl-Olimpijadi u li se jkunu preżenti fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ fis-26 ta’ Lulju.

Fl-istess waqt, mill-ajruport Ben Gurion, f’Tel Aviv, ħalla Iżrael lejn Pariġi l-kontinġent ta’ atleti u uffiċjali mmexxi mill-President tal-Kumitat Olimpiku ta’ Iżrael, Yael Arad, li fl-Olimpijadi ta’ Barcellona fl-1992 kienet l-ewwel atleta minn Iżrael li rebħet midalja fil-judo.

Arad ikkummentat li mhux sigriet li din l-edizzjoni tal-Logħob Olimpiku hija daqsxejn aktar diffiċli għal kontinġent ta’ Iżrael, iżda qalet li għandha fiduċja sħiħa fl-organizzazzjonijiet tas-sigurtà f’Iżrael u fi Franza. F’Pariġi, il-kontinġent ta’ Iżrael se jkun magħmul minn 88 atleta, 54 raġel u 34 mara.