Sport

Koppja Maltija tirbaħ il-midalja tad-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja taż-Żgħażagħ

Il-koppja Maltija Richard Schultheis u Youenn Bertin rebħu l-midalja tad-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja taż-Żgħażagħ fil-klassi 49 ers, f’Vilagarcia de Arousa f’Galicia, fi Spanja.

Fil-Kampjonat ħadu sehem 107 timijiet minn 23 pajjiż f’ħamest ijiem ta’ kompetizzjoni fuq massimu ta’ 15- il tellieqa.

Minn bidu pjuttost kwiet fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni, Schultheis u Bertin irkupraw pożizzjoni wara l-oħra sabiex fil-mument li telgħu fit-13-il pożizzjoni setgħu jiddettaw aħjar il-pożizzjoni tagħhom. Eventwalment fl-aħħar fażi fetħu punt vantaġġ fuq il-koppja ta’ New Zealand Menziers u Rush. Kellhom żewġ stadji perfetti meta daħlu t-tielet u t-tieni rispettivament għal total ta’ 49 punt li kien distakk vantaġġ sostanzjali minkejja li kien għad fadal żewġ stadji għat-tmiem.

Fil-klassifika ġenerali, Richard Schultheis u Youenn Bertin għalqu b’49 punt, Menziers u Rush ta’ New Zealand fit-tieni post bi 72 punt, filwaqt li Simon Heindl u Conrad Jacobs tal-Ġermanja fit-tielet post b’76 punt.