F’Malta, matul l-aħħar jiem, eluf ta’ residenti u negozji reġgħu tħallew mingħajr dawl, bil-konsegwenza ta’ inkonvenjent enormi bi ħsarat lill-apparati diversi, sħana enormi u dlam ċappa.
Hekk ġie elenkat fl-editorjal tal-gazzetta Times of Malta, fl-isfond tal-kriżi tal-enerġija li pajjiżna jinsab għaddej minnha.
L-editur enfasizza l-fatt li l-Ministru tal-Enerġija Miriaim Dalli kienet qalet li l-qtugħ estensiv tad-dawl hija xi ħaġa tal-passat, u li matul ix-xahar li għadda, qalet li x-xogħlijiet li saru qed iwassluna biex ma nesperjenzawx qtugħ tad-dawl li esperjenzajna s-sena l-oħra.
Il-Gvern u l-Enemalta ppruvaw ibigħu gidba ta’ stabbiltà lill-pubbliku, li dejjem qed ikun aktar frustrat. Kienet din id-dikjarazzjoni li dwiet fl-editorjal wara sena sħiħa ta’ stqarrijiet mill-Gvern ta’ Abela dwar l-investiment li skonthom kien qed isir, anke jekk kien l-istess awditur ġenerali li ra li ma sarx l-investiment meħtieġ – f’temp ta’ 10 snin.
Min-naħa l-oħra, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava, qal li l-Ġeneraturi portabbli ser ikunu qed jibqgħu jintużaw ukoll f’dak li Fava jiddeskrivi bħala l-Plan .
L-editorjal ħareġ ukoll fiċ-ċar in-nuqqas ta’ investiment li sar mill-Gvern Laburista hekk kif skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-Enemalta nefqet inqas flus biex ittejjeb id-distribuzzjoni tagħha s-sena l-oħra milli nefqet għal dawn l-aħħar għaxar snin. Dan minkejja li l-infrastruttura ta’ Malta kellha tagħmel l-investiment bżonjuż biex tilqa’ għal popolazzjoni.
Minflok ma tirrikonoxxi l-fallimenti tagħha fl-aħħar għaxar snin biex tiggarantixxi provvista konsistenti tal-enerġija lir-residenti, l-Enemalta u l-Ministru Dalli qed iwaħħlu f’kawżi naturali għall-qtugħ frekwenti tad-dawl, kif ukoll il-Ministru Dalli waslet sabiex iddeskriviet ukoll ir-rapport tal-NAO bħala “opinjoni”.
L-editorjal tat-Times għalaq billi sostna li l-Prim Ministru Robert Abela għandu d-dover jispjega lill-pubbliku x’biħsiebu jagħmel biex inaqqas il-pressjonijiet fuq l-infrastruttura fiżika li laħqet ‘breaking point’ minħabba t-tkabbir mhux ippjanat tal-popolazzjoni fl-aħħar għaxar snin, b’detrement fuq il-poplu Malti u Għawdxi.