Sport

L-ewwel laqgħat tal-Eżekuttiv qabel is-sessjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

Meta ninsabu jiem biss mill-Ftuħ Uffiċjali tal-Olimpijadi Pariġi 2024, l-ogħla ufficjali tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, immexxija mill-President Thomas Bach, kellhom l-ewwel laqgħat tal-Eżekuttiv qabel is-sessjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali aktar tard din il-ġimgħa.

Kollox jindika li fuq l-Agenda hemm l-allokazzjoni tal-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2030 lill-Alpi Franċiżi – li huma l-uniċi kandidati. Madankollu għad trid tingħata l-garanzija fejn hemm riskju ta’ dewmien minħabba n-nuqqas ta’ rieda tal-gvern Franċiż li jagħti garanziji ta’ finanzjament.

Fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi, hemm 15-il atleta Russu u 16 mill-Belarus biss akkreditati bħala newtrali hekk kif ħafna mill-federazzjonijiet internazzjonali sospendew lir-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

Dawk li tħallew jikkompetu fil-Logħob kellhom jissodisfaw kriterji stretti dwar in-newtralità, iżda Global Rights Compliance, fondazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata f’The Hague, ikkummentat li żewġ terzi tar-Russi magħżula esprimew appoġġ għall-invażjoni tal-Ukrajna minn Moska jew għandhom rabtiet mal-militar.

Fi stqarrija lill-media, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali esprima  li mhux se jikkummenta dwar każijiet individwali.