Internazzjonali

L-UE: L-Ungerija mhix se tospita l-laqgħa tal-Ministri minħabba ‘l-avviċinament ma’ Putin’

Il-laqgħa f’Moska, kmieni dan ix-xahar, bejn il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban u l-President Russu, Vladimir Putin, irriżultat f’deċiżjoni storika mill-Unjoni Ewropea. Deċiżjoni  li qed titqies ukoll bħala umiljanti għall-Ungerija li, mill-bidu ta’ Lulju, assumiet il-Presidenza tal-Unjoni.

B’konsegwenza tal-laqgħa li saret mingħajr l-approvazzjoni jew appoġġ tal-Unjoni, Josep Borrell, li jmexxi l-politika barranija tal-UE, ikkonferma li l-Ungerija, issa, tilfet id-dritt biex tospita l-laqgħa li jmiss għall-Ministri Ewropej b’responsabbiltà għall-Affarijiet Barranin u d-Difiża.

Id-deċiżjoni ttieħdet fuq kollox minħabba l-atteġġjament mill-Gvern ta’ Orban fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna u meta l-Prim Ministru Ungeriż baqa’ jżomm relazzjonijiet tajbin ħafna ma’ Putin minkejja l-aggressjoni tal-qawwiet tal-Kremlin qalb it-territorji Ukreni.

L-aħħar taħditiet kordjali, wiċċ imb wiċċ, bejn Orban u Putin, kienu rrabjaw bil-kbir lill-Mexxejja Ewropej li għamluha ċara li ‘l-Prim Ministru Ungeriż ma kienx qed jirrappreżenta lilhom f’Moska.

Min-naħa tiegħu, Josep Borrell qal li l-azzjonijiet tal-Ungerija jġorru l-konsegwenzi u li l-UE għandha tibgħat sinjal ċar u simboliku li dan mhux aġir aċċettabbli.

L-Ungerija, sadanittant, hi urtata dwar id-deċiżjoni ta’ Borrell waqt li fissritha, fost oħrajn, bħala ‘logħob tat-tfal’. Dan meta l-laqgħat – bejn it-28 u t-30 ta’ Awwissu – għall-Ministri tad-Difiża u l-Affarijiet Barranin issa se jsiru fi Brussell minflok f’Budapest. Il-laqgħat tradizzjonali jsiru kull sitt xhur taħt Presidenza ġdida tal-UE, u fejn il-Ministri jiddiskutu l-akbar issues globali b’mod informali.

Id-deċiżjoni mill-UE tidher li bbażat l-aktar fuq il-kummenti ta’ Orban lil Putin li fihom il-Prim Ministru Ungeriż akkuża lill-Unjoni b’li qed tmexxi ‘politika favur il-gwerra’. Għaldaqstant, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni, issa, ingħaqdu fil-messaġġ ta’ diżapprovazzjoni – bis-Slovakkja biss, fost is-26 Stati membri, tappoġġja lill-Ungerija fil-kwistjoni.