Lokali Unjoni Ewropea

Għall-ewwel darba f’20 sena Malta għandha MEP fil-Kumitat tal-Agrikoltura tal-PE

Peter Agius hu fil-Kumitat tal-Agrikoltura fil-Parlamet Ewropew (PE). Din hi l-ewwel darba mis-sħubija li Malta għandha MEP Malti fil-Kumitat tal-Agrikoltura.

“Il-vuċijiet tal-protesti tal-bdiewa rridu naġixxu fuqhom. Illum bdejt il-ħidma fil-Kumitat tal-Agrikoltura fil-Parlament Ewropew biex nadattaw aħjar id-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-bżonnijiet ta’ Malta u Għawdex“, qal Peter Agius wara l-ewwel laqgħa tal-Kumitat fi Brussel.

“Qatt daqs illum ma kien hawn daqshekk il-ħtieġa li niffukaw u naħdmu fuq is-sigurtà tal-ikel tal-Maltin u l-Għawdxin. Malta trid tkun parteċipi b’mod proattiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Politika Agrarja Komuni tal-Unjoni Ewropea biex din tirrifletti l-bżonnijiet tal-familji Maltin.” qal Peter Agius.

Għall-ewwel darba mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta għandha MEP Malti fil-Kumitat tal-Agrikoltura fil-Parlament Ewropew. Il-Membru Parlamemtari Ewropew Nazzjonalista Peter Agius huwa membru ta’ dan il-kumitat li beda l-ħidma tiegħu llum waqt il-leġiżlatura l-ġdida.

Aguis qal li l-ħidma tiegħu f’dan il-Kumitat tiżgura li Partit Nazzjonalista jibda jwettaq il-wegħda fil-manifest elettorali għall-Elezzjoni Ewropea, dik li l-MEPs eletti jsegwu mill-qrib u jaħdmu fuq il-Politika Ewropea dwar min jipproduċi l-ikel biex tkun iktar adatta għall-bżonnijiet tak-familji Maltin.

“Int min int u tagħmel x’tagħmel fl-aħħar tal-ġurnata għandek bżonn il-bidwi, r-raħħal u s-sajjied. Hemm bżonn nieħdu ħsieb lil dawn is-setturi f’Malta biex jibqgħu jitimgħuna ikel bnin u lokali. Gwaj għal min ikun jgħix fi gżira u ma jinvestix fis-sigurtà tal-ikel,” għalaq Agius.