Internazzjonali

Stati Uniti: Pass kbir ‘il quddiem għal Kamala Harris bħala l-kandidat ‘anti-Trump’

Il-kampanja elettorali fl-Istati Uniti għaddiet minn żvilupp ieħor interessanti wara d-deċiżjoni tal-President Amerikan Joe Biden biex ma jikkontestax l-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru. Dan meta l-Viċi President Amerikan Kamala Harris, fl-aħħar sigħat, kienet imwiegħda l-appoġġ tal-maġġoranza tad-delegati tal-Partit Demokratiku biex, ‘il quddiem, tikkuntesta l-elezzjoni kontra l-kandidat u Eks President Repubblikan, Donald Trump.

Kamala Harris, fil-preżent, għandha l-appoġġ ta’ aktar minn fost l-1,976 delegat li teħtieġ biex tirbaħ in-nomina waqt l-ewwel rawnd tal-votazzjoni fost id-Demokratiċi.

L-iżvilupp għandu sinifikat kbir meta issa jonqos biss il-konferma uffiċjali tagħha bħala l-kandidat għall-White House. Dan għandu jsir waqt il-vot – magħruf bħala ‘roll call’ – qabel il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Demokratiku li jsir ix-xahar id-dieħel, f’Chicago.

Id-delegati huma n-nies magħżula mill-partit biex jirrappreżentaw iz-zoni elettorali rispettivi. U waqt li l-wiegħdi għall-appoġġ lil Kamala Harris, għalissa ma jorbtux lill-individwi b’mod uffiċjali, mhux mistenni li d-delegati jibdlu l-ħsieb meta jridu jippreżentaw id-dehra ta’ partit magħqud lill-Amerikani.

Huwa wkoll sinifikanti li – wara d-deċiżjoni ta’ Joe Biden biex iwarrab mit-tellieqa – ħadd fost il-membri ewlenin tal-Partit Demokratiku ma ppreżenta ruħu biex jisfida lil Harris għan-nomina tal-partit.

Għaldaqstant, kollox jindika li Harris għandha tikseb in-nomina uffiċjalment ladarba d-delegati Demokratiċi  jivvutaw fil-parti konklussiva tal-proċess għall-għażla, bejn l-Ewwel u s-7 ta’ Awwissu.