Lokali Qorti

Tliet snin ħabs kull wieħed għall-koppja li ffrodaw anzjan

Koppja miżżewġa ġiet ikkundannata total ta’ sitt snin ħabs wara li nstabet ħatja li ffrodat anzjan li, fost oħrajn, kien mingħalih li kellu tarbija mill-mara. Ian Xuereb ta’ 37 sena u martu Simone ta’ 39 sena nstabu ħatja li fit-28 ta’ Mejju 2020 iffrodaw lill-anzjan ta’ 69 sena. Ir-rapport tant daħal fil-fond li l-anzjan sar iħobb lil mara. Mill-provi ħareġ li l-anzjan ġie ffrodat is-somma ta’ €4,275.

Kienu qraba tal-anzjan li għamlu rapport lill-Pulizija wara li ġiehom suspett fl-aġir tal-mara, bil-Pulizija bdiet tinvestiga lilha u lil żewġha u ressqithom fil-Qorti.

Mill-provi quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ħareġ li l-anzjan u l-mara ltaqgħu fuq il-Facebook u l-mara wegħditu li jkollha x’taqsam miegħu. Il-koppja bdiet tgħix fid-dar tal-anzjan f’Wied il-Għajn billi kkonvinċietu li kienu aħwa u wara xi żmien il-mara kkonvinċietu li kienet ħarġet tqila minnu billi kkonvinċietu jagħti l-isperma tiegħu ħalli tkun tista’ tagħmel trattament mediku.

Huwa beda jissuspetta li t-tarbija ma kinitx tiegħu, kemm għax qatt ma kellu x’jaqsam dirett magħha kif ukoll għax meta kienu jmorru l-viżti għand it-tabib, kien jidħol żewġha magħha.

L-anzjan qal fil-Qorti li huwa xtara diversi affarijiet lill-mara u kien isarraf iċ-ċekkijiet tal-pensjoni u jgħaddilha l-flus waqt li anke għamel testament fejn ħalla kollox lill-mara.

Ħafna miċ-ċekkijiet ma ssarrfux peress li l-ammont minfuq mill-koppja fil-ħwienet kien iktar milli kien hemm fil-kont bankarju tiegħu. Ħareġ ukoll li meta sar jaf li kienu qarrqu bih, spiċċa biex qabditu dipressjoni u spiċċa biex iddaħħal l-Isptar Monte Carmeli.

Fix-xiehda tiegħu, l-anzjan baqa’ jinsisti li kien iħobb lill-akkużata u anke meta sar jaf x’għamlitlu kien għadu mitluf warajha. Wara li semgħet dawn il-provi, il-Maġistrat Vella sabet lill-koppja ħatja ta’ frodi u minbarra li kkundannathom tliet snin ħabs kull wieħed, ordnatilhom iħallsu lill-anzjan l-€4,275 li ħadulu.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.