Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana ddikjarat li hemm raġuniiet biżżejjed biex l-Eks Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Sciclina jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet.
Il-Qorti ddikjarat ukoll li tliet Segretarji Permanenti u diversi persuni oħra wkoll jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. Dan kollu seħħ wara li l-Maġstrat Caruana sema’ diversi xhieda u sottomissjonijiet min-naħa tad-difża u l-prosekuzzjoni. Dan wara ħafna seduti li saru ħafna minnhom, maratoni fejn ħadu aktar minn 10 sigħat.
Fearne ta’ 61 sena u Scicluna ta’ 77 sena qed jiġu akkużati li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u li ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ miżappropjazzjoni.
Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna, tinkludi l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa; is-Segretarju Permanenti attwali Ronald Mizzi; il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg; il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara; kif ukoll il-ħames avukati Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.
Deborah Anne Chappell, li hija l-unika mara mit-28 persuna akkużati, għandha ffriżar ta’ assi li jlaħħqu l-€40 miljun.
L-akkużi
Chris Fearne, Edward Scicluna, Ronald Mizzi, Alfred Camilleri, Joseph Rapa, Kenneth Deguara, Kevin Deguara, Aron Mifsud Bonnici, Bradley Gatt, Jean Carl Farrugia, Deborah Anne Chappell, Manuel Castagna, James Camenzuli u Robert Borg qed jaffaċċjaw akkużi ta’ qerq ta’ aktar minn €5,000 b’dannu għall-Gvern, b’miżappropjazzjoni u bi qligħ b’mod frawdolenti.
Kenneth Deguara, flimkien ma’ ħuh Kevin Deguara qed jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus ukoll. Kevin Deguara qed jiġi akkużat ukoll b’parteċipazzjoni attiva f’attivitajiet kriminali tal-għaqda li għandha aktar minn 10 nies.
L-aħwa Deguara, Chappell u Jean Carl Farrugia qed jiġu akkużati wkoll li akkwistaw jew użaw proprjetà meta kienu jafu li din inkisbet minn attività kriminali.
Din hija parti minn akkuża li tkopri l-akkuża unika ta’ ħasil ta’ flus.
B’kollox, Chappell, Mifsud Bonnici, Castagna, Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia qed jiġu akkużati li pparteċipaw f’għaqda kriminali ta’ aktar minn 10 persuni. Dawn l-erba’ persuni qed jaffaċċjaw akkuża wkoll li assoċjaw ruħhom ma’ persuna jew persuni f’Malta jew pajjiżi oħra “bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta.
L-iskandlu wassal għar-riżenja ta’ Chris Fearne mill-kariga tiegħu ta’ Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Gvern, flimkien mat-tneħħija ta’ Joseph Rapa mill-Bord tad-Diretturi fl-APS Bank, biż-żewġ individwi jiffaċċjaw akkużi.
Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt, it-tnejn avukati, wkoll irriżenjaw mill-karigi tagħhom fid-ditti rispettivi tagħhom. L-Avukat Chappell hija akkużata b’ħasil ta’ flus u qed tiffaċċja akkużi ta’ miżappropjazzjoni, frodi ta’ dokumenti, u li pparteċipat b’mod attiv f’attività kriminali u f’assoċjazzjoni kriminali.
Difiża u Prosekuzzjoni
L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha. Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.
Deborah Anne Chappell qed tkun rappreżentata mill-avukati Stefano Filletti, Roberto Montalto, Maurice Meli u Joseph Mizzi. Għal Bradley Gatt qed jidhru l-avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Franco Galea. L-Avukat Giannella de Marco qed tidher għal Aron Mifsud Bonnici. James Camenzuli huwa rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u David Farrugia Sacco. Manuel Castagna qed ikun difiż mill-avukat Ezekiel Psaila. Għal Robert Borg qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri. DF Advocates qed tkun rappreżentata mill-avukati Ezekiel Psaila, Franco Debono, Marion Camilleri u Jonathan Thompson.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Fracesco G Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.
//= $special ?>