Lokali

Chris Fearne u Edward Scicluna jżommu l-karigi tagħhom

Id-Deputat Mexxej tal-Labour u Membru Parlamentari Laburista Chris Fearne ma riedx jitkellem ma’ Net News dwar is-sejħa biex hu jirreżenja mill-Parlament Malti u mill-Partit Laburista.

Quddiem il-cameras tagħna, Chris Fearne baqa’ jinsisti li ried jaqra d-digriet tal-Maġistrat qabel ma jitkellem – minkejja li d-deċiżjoni tal-Qorti fil-konfront tiegħu kienet waħda ċara.

Imbagħad, ftit sigħat wara li ħareġ mill-Qorti, Chris Fearne permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, iddikjara li mhux ħa jkun qed jirreżenja mill-karigi tiegħu – iżda insista li mhux se jkun qed jikkandida ruħu għall-elezzjonijiet interni ta’ Deputat Mexxej tal-Labour f’Settembru li ġej.

Fi kliem semplici, dan ifisser li se jżomm is-siġġu tiegħu fil-Parlament Malti u li se jżomm is-siġġu tiegħu fit-tmun tal-Partit Laburista għal sajf sħiħ, bħala parti mit-tmexxija. Dan filwaqt li baqa’ jtenni li huwa innoċenti.

Intant, fost dawk li se jgħaddu ġuri b’rabta mal-frodi tal-isptarijiet, hemm ukoll l-Eks Ministru Laburista u Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, li żamm sieket meta mistoqsi jekk issa hux se jkun qed jirreżenja mill-kariga ta’ Gvernatur… minħabba li uffiċjalment jinsab akkużat.

Il-proċeduri b’rabta mad-deal skandaluż se jkomplu fit-22 ta’ Awwissu li ġej.