Il-Gvern Ġermaniż ordna l-għeluq ta’ organizzazzjoni Iżlamika akkużata bħala ‘estensjoni’ tat-teokrazija fundamentalista tal-Iran. Dan ukoll meta ċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Ħamburg qed ikun akkużat ’li ferrex l-ideoloġija ta’ intolleranza sinonima mat-Tmexxija Iranjana u ’li serva bħala sostenitur tal-militanti tal-Heżbollah (alleati mal-Iran) fil-Libanu.
L-aħbar ħarġet wara li l-Pulizija wettqet numru ta’ rejds f’aktar minn 50 proprjetà – fosthom moskea prominenti – madwar il-Ġermanja. Intant, ħarġu wkoll id-direttivi biex jingħalqu ħames gruppi u organizzazzjonijiet oħra relatati mat-teokrazija Iranjana – u wara li ċ-ċentri tagħhom kienu suġġetti għat-tfittxijiet mill-Pulizija lejn l-aħħar tal-2023.
Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Nancy Faeser, qalet li l-provi li akkumulaw waqt l-investigazzjoni kkonfermaw is-suspetti tal-awtoritajiet dwar ‘il-vera funzjoni’ tal-organizzazzjoni Iżlamika inkwistjoni u l-fergħat l-oħrajn relatati magħha. Hi kompliet li l-Gvern, fiċ-ċirkustanzi, ma kellux alternattiva ħlief li jiddikjarahom bħala entitajiet illegali.
Stqarrija ta’ Faeser sostniet li ċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Ħamburg hu sors ewlieni għall-ideoloġija totalitarja ta’ reġim Iżlamiku estremista (b’referenza għall-Iran). ’Ċentru li, flimkien mas-sottoorganizzazzjonijiet oħrajn fil-Ġermanja, qed jappoġġja wkoll lit-terroristi tal-Ħeżbollah fost il-firxa ta’ ideoloġiji aggressivi u anti-Semitiċi’.
L-Istat Ġermaniż qed jgħid ukoll li ċ-Ċentru ta’ Ħamburg, bħala rappreżentant dirett tal-Mexxej Suprem tar-Rivoluzzjoni Iżlamika fl-Iran, qed jiċċirkola l-ideoloġija ta’ din ir-Rivoluzzjoni b’mod ostili u militanti – kif ukoll bil-ħsieb li jkattar l-inkwiet u sentimenti ta’ rewwixta simili fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Iċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Ħamburg kien ilu ħafna taħt osservazzjoni mill-aġenzija domestika tas-servizzi sigrieti fil-Ġermanja – bir-rapport annwali tal-aġenzija, fl-2023, isostni li l-Istituzzjoni hi l-aktar rappreżentanta importanti tal-Iran (fil-Ġermanja) minbarra l-Ambaxxata Iranjana f’Berlin.
//= $special ?>