Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Thomas Bach, saħaq fuq in-newtralità tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali wara sejħa Palestinjana biex Iżrael ikun imwaqqaf milli jipparteċipa fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi minħabba l-gwerra f’Gaża
Hekk kif il-kontinġent Iżraeljan daħal fil-Villaġġ tal-Atleti, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ddiskuta ittra mibgħuta mill-Kumitat Olimpiku tal-Palestina fejn talab lil Bach biex ma jħallix lill-Iżraeljani jikkompetu, u kkwota l-bumbardamenti tal-Istrixxa ta’ Gaża li hi assedjata bħala ksur.
L-ittra enfasizzat li l-atleti Palestinjani, b’mod partikolari dawk f’Gaża, huma mċaħħda mill-passaġġ sikur u sofrew b’mod sinifikanti minħabba l-kunflitt li għaddej bħalissa fejn inqatlu madwar 400 atleta Palestinjan u l-qerda tal-faċilitajiet sportivi taggrava l-qagħda tal-atleti li diġà jinsabu taħt restrizzjonijiet severi.
Thomas Bach ikkonferma li l-pożizzjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali hija ċara ħafna. Għandna żewġ Kumitati Olimpiċi Nazzjonali, dik hija d-differenza mid-dinja tal-politika, u f’dan ir-rigward it-tnejn ilhom jgħixu f’koeżistenza paċifika fejn minkejja l-Palestina mhix stat membru rikonoxxut tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Palestinjan huwa rikonoxxut mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u jgawdi d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs bħall-kumitati l-oħra kollha.
//= $special ?>