Ursula von der Leyen, fil-preżent, qed tiffaċċja d-diffikultajiet biex tifformalizza l-lista tal-Kummissarji għat-tieni mandat tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
L-issue li qed toħloq l-intoppi, intant, hi relatata mal-gvernijiet ultrakonservattivi li qed jinsistu biex il-kandidati tagħhom – fosthom numru ta’ Ewroxettiċi – jingħataw id-dekasteri ewlenin fil-Kummissjoni.
L-analisti politiċi qed jaqblu li l-Kummissarji nominati mill-Istati tal-Unjoni Ewropea jirriflettu diversità ħafna akbar ta’ opinjonijiet politiċi mis-sitwazzjonijiet tal-passat.
Fl-istess ħin, l-akbar insistenza għad-deskasteri ‘ta’ kalibru’ ġejja mill-gvernijiet tal-Italja u r-Repubblika Ċeka.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni, tal-Partit estremista tal-lemin, Fratelli d’Italia, talbet għal Viċi Presidenza relatata mal-ekonomija. Dan waqt li l-Prim Ministru Ċek Petr Fiala, ukoll politiku tal-lemin, qal li jrid ‘dekasteru sinifikanti għall-kompatrijott tiegħu u li preferibbilment ikun ukoll assoċjat mal-qasam ekonomiku’.
Il-konservattivi bħal Meloni u Fiala, l-istess bħall-entitajiet l-oħrajn tal-lemin, huma konvinti li r-riżultati tajbin li kisbu l-partiti tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu riflessi fit-tfassil tal-Eżekuttiv ġdid tal-Unjoni Ewropea.
Dawn il-partiti jidhru wkoll li jridu jisfidaw l-hekk imsejjaħ status quo fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni u meta von der Leyen tirrappreżenta liċ-ċentru-lemin; Antonio Costa, l-Eks Prim Ministru Portugiż innominat għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ġej mill-kamp Soċjalista, u b’Kaja Kallas, li ntgħażlet biex tmexxi l-Politika Barranija tal-Unjoni, tħaddan stil ta’ politika liberali.
Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, ukoll qed jittama li r-riżultati elettorali tajbin għall-Partit Fidesz jissarrfu f’dekasteri aktar importanti għal pajjiżu. Dan meta Orban hu anki l-ixprun wara grupp ġdid radikali tal-lemin – bl-isem Patrijotti għall-Ewropa – fil-Parlament Ewropew.
Fl-istess ħin, Orban ma ħabbarx jekk għandux iżomm lil Olivér Várhelyi bħala l-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir, inkella għandux, ‘il quddiem, jinnomina lil ħaddieħor.
Mill-banda l-oħra, il-koalizzjoni estremista tal-lemin fl-Olanda – immexxija mill-Prim Ministru Dick Schoof – trid li Wopke Hoekstra jibqa’ bħala l-Kummissarju Ewropew għal Azzjoni fir-rigward tal-Klima.
//= $special ?>