Lokali

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għal Birżebbuġa jkomplu joġġezzjonaw għat-tibdil fil-pjan Lokali għal Ħal Far – PN

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kienu fuq quddiem biex jassiguraw li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa mhux biss ħareġ l-oġġezzjoni tiegħu għall-propost mitjar minjatura fiz-zona ta Wied Żnuber fuq art miftuħa, iżda qed isostnu lill-għaqdiet tal-lokal u jirringrazzjaw lir-residenti kollha li oġġezzjonaw għal dan it-tibdil fil-pjan lokali. 

Il-kunsilliera ser  ikomplu jaħdmu mal-għaqdiet lokali u nazzjonali biex isir l-aħħar sforz biex il-proposta tal-Gvern Ċentrali f’Wied Żnuber ma sseħħx għall-ġid tal-lokal ta’ Birżebbuġa. 

Bħala kunsilliera Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista jinsistu mal-Awtorità tal-Ippjanar biex l-arja kollha ta’ madwar 39,800 metru kwadru jew madwar sitt grawnds tal-futbol, tiġi protetta bħala Zona Barra l-Iżvilupp (ODZ) bi protezzjoni wkoll għas-sit ta’ Natura 2000 li jinstab biżwitu.

Bħalissa l-Awtorità tal-Ippjanar qegħda fit-tieni  fażi ta’ konsultazzjoni biex iwassal għat-tibdil fil-Lokal Plan ta’ Ħal Far. Fid-dokument dwar dan it-tibdil l-istess awtorità qegħda tipproponi li 17,000 metru kwadru minn din l-art tiġi użata biex tintuża għal “low impact sports” li jista’ jinkludi mitjar għall-ajruplani minjatura. Dan it-tip ta’ żvilupp ser iġib miegħu tniġġis ta’ arja u ħoss li jtellef il-fawna tal-madwar. Fl-aħħar mill-aħħar dan mhu xejn ħlief logħob bil-kliem biex din l-art tingħata t-tarmak u tkun magħluqa għal użu partikolari. 

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kienu fuq quddiem biex flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-Għaqda Storja u Kultura ta’ Birżebbuġa mexxew kampanja li s’issa ġabret ‘il fuq minn 1,100 firma. 

Il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista ser ikomplu jaħdmu flimkien sabiex jitħares l-aħjar interess tal-lokalità ta’ Birżebbuġa u r-residenti li jgħixu f’din il-lokalità.

Dan intqal fi stqarrijja maħruga mil-Partit Nazzjonalista, immexxijja mil-Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, Johann Borg; il-Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa Karel Zahra; kif ukoll mill-Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa Darren Debono.