Lokali Qorti

Ġuri: Il-vittma jgħid li għadu jħoss il-konsegwenzi tal-isparatura – hekk kif isir l-aċċess fuq il-post

Il-vittma ta’ sparatura f’Ħad-Dingli li seħħet fl-2018, spjega fil-Qorti li sal-lum għadu jsofri minn ċertu diżabbilitajiet fosthom l-għadam t’idu mfarrak u kontinwament iħossha miġbuda, filwaqt li jgħejja jitkellem. Saħaq li x-xemx illum il-ġurnata ddejqu għaliex għajnejh tixxotta u għalhekk ikollu jilbes nuċċali tax-xemx fil-maġġoranza tal-ħin. Tenna wkoll li sofra minn ksur f’saqajh. Dan kollu kawża tal-fatt li f’idu kellu 200 biċċa taċ-ċomb u 17 oħra f’wiċċu, u ġerħa li kellu viċin qalbu.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-vittma Mark Farrugia ta’ 43 sena, hekk kif il-ġuri ta’ Joseph Scicluna ta’ 59 sena mixli bl-attentat ta’ qtil tiegħu, daħal fit-tielet jum tiegħu. Il-każ seħħ f’Ottubru tal-2018 meta fl-inħawi ta’ San Ġakbu, f’Ħad-Dingli, Farrugia spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn tir t’arma tan-nar. L-akkużat u l-vittma huma kaċċaturi.

Filgħodu l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li matul il-jum kien se jsir aċċess fuq il-post fejn seħħet l-isparatura. L-aċċess sar fil-preżenza tal-akkużat u l-vittma fejn l-Imħallef infurmatu li għall-ebda raġuni ma jista’ jitkellem ħlief li jwieġeb għad-domandi tal-Qorti. Preżenti wkoll kien hemm il-ġurati, il-prosekuzzjoni u d-difiża.

Mark Farrugia xehed dwar x’seħħ fil-jum tal-31 ta’ Ottubru għall-ħabta tal-5.30am. Qal li mar f’għalqa għall-kaċċa. Tenna li kif kien miexi ‘k kif lemaħ lil Joseph Scicluna, li kellu marloġġ f’idejh. Kellu wkoll par ingwanti f’idejh u qallu bonġu. Huma tkellmu fuq tajra li l-akkużat ikkaċċja jumejn qabel. L-akkużat lemaħ lil missier il-vittma nieżel fil-wied bil-karozza tiegħu.

Farrugia kompla jgħid li l-akkużat indikalu li hemm xi ħaġa fid-direzzjoni tas-siġra tal-ġellewż. “Hemm hemm hemm,” qallu t-tieni darba Scicluna. Il-vittma qal li sab ma’ wiċċu lill-aggressur u dan fajjarlu daqqa ta’ marloġġ.

“Tajtu b’idejja biex niddefendi ruħi”, qal l-allegat vittma. Qamet kommossjoni u ġew fl-idejn sakemm waqgħu mal-art. “Jien x’qatt għamiltlek,” qallu Farrugia. L-aggressjoni skalat bil-vittma jqaċċat il-flokk tal-akkużat u jiġi f’idu. Xħin l-irġiel inqatgħu minn ma’ xulxin, l-akkużat qabad senter, ippuntah lejh u sparalu.

Ix-xhud qal li l-akkużat sparixxa u hu pprova jimxi viċin tal-akkwata fejn kien hemm missieru. Farrugia qal li kien mimli demm u talab lil missieru jieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Meta wasslu, ix-xhud stqarr li l-infermiera “ġġennu” u ċemplu mill-ewwel għall-ambulanza.

Meta waslu l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza, talab biex ikellem mill-ewwel lill-Ispettur. Fl-awla bid-dmugħ f’għajnejh u kommoss, Farrugia qal “minħabba dak” u hawn hu pponta lejn l-akkużat, minkejja li dak l-ambjent kien iħobbu, illum ma baqax imur bħalma kien jagħmel qabel.

Huwa ddikjara li l-isparatura laqtitu f’wiċċu, f’idu, f’żaqqu u siequ. Tenna li f’idu kellu 200 biċċa taċ-ċomb u 17 oħra f’wiċċu. Hawn hu wera lill-ġurati l-marka li ħalla t-tir f’idejh filwaqt li permezz ta’ ritratt raw ukoll il-marka tal-ġerħa li kellu viċin qalbu.

Farrugia ddikjara li f’April tal-2018 tela’ jixhed kontrih fuq ġiebja, iżda ddeskriva r-relazzjoni tagħhom bħala “normalissima”. Qal li ntalab jixhed għax fis-sena ta’ qabel ħu l-akkużat talab jixhed li Farrugia kien ra lil Scicluna jisraq l-ilma mill-ġiebja.

Il-vittma xehed li l-aggressur kellu flokk blu fuqu, li matul il-kommossjoni spiċċa f’idu. Il-flokk ġie elevat mill-għalqa minn missier il-vittma u ngħata lill-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat. Farrugia qal ukoll li wara dan kollu kien dam l-isptar xahar.

Minkejja li ħareġ mill-isptar, hu ma setax jimxi u għamel madwar tliet xhur b’idu mgħollija minħabba ċ-ċirkolazzjoni tad-demm. Qal ukoll li meta kien se jixhed waqt il-kumpilazzjoni, kien muġugħ ħafna u talab lil missieru jieħdu l-isptar.

Qabel ix-xhieda tal-vittma, il-ġurati raw il-filmati tal-istqarrijiet li ta Joseph Scicluna fid-Depot tal-Pulizija. L-akkużat qal li nhar il-31 ta’ Ottubru ma marx l-għalqa u fil-ħin li seħħet l-isparatura huwa kien id-dar mal-mara u wara mar jixtri l-ħobż u l-ħalib mill-forn.

Fl-ewwel filmat l-akkużat jidher liebes suit bajda tal-plastik minħabba li l-Pulizija elevaw ħwejġu biex jeżaminawhom. Meta kien mistoqsi dwar il-feriti, Scicluna qal lill-Pulizija li daħal f’siġra tal-lumi u li girfitlu moħħu l-qattusa.

Mistoqsi mill-avukat difensur Jacob Magri dwar xi daqqiet li ta l-vittma lill-akkużat, l-Ispettur Wayne Camilleri kkonferma li Mark Farrugia ta xi daqqiet lil Scicluna biex jiddefendi ruħu. L-Ispettur Camilleri kkonferma wkoll li fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar il-ġiebja, Joseph Scicluna kien ħareġ illiberat.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. L-Avukat Edward Gatt qed jidher bħala parte civile fil-każ. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Wayne Camilleri.