Lokali

IQUMU U JITILQU ‘L BARRA: Il-Kunsilliera Laburisti jxekklu xogħol il-Kunsill tal-Mosta

Waqt l-ewwel laqgħa fejn uffiċjalment bdiet il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, il-kunsillieri Laburisti kollha qabdu u qamu minn posthom u telqu ‘l barra. Dan fost l-għajjat mill-istess kunsillieri meta kienet qed tiġi diskussa materja ferm importanti, li tolqot lir-residenti kollha Mostin.

Waqt is-seduta li saret it-Tlieta filgħaxija dwar ir-riżoluzzjoni b’rabta mal-għeluq tal-pjazza ta’ quddiem ir-Rotunda, is-Sindku Joseph Gatt u l-kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista talbu sabiex jestendu l-ħin tal-laqgħa ħalli ma jwaqqfux ix-xogħol tal-Kunsill Lokali tal-Mosta – prassi li hi normali li ssir, kif fil-fatt ġara matul l-aħħar ħames snin fil-Mosta. Il-kunsillieri Nazzjonalisti dejjem ikkoperaw sabiex ma jitwaqqfux id-diskussjonijiet.

Iżda, il-kunsillieri eletti f’isem il-Partit Laburista għażlu li ma jkomplux il-laqgħa tat-Tlieta – xi ħaġa li dehret pjanata hekk kif il-Kunsillieri kienu jidhru minn minuti qabel jiċċekjaw il-ħin, bil-basktijiet lesti fuqhom biex jitilqu ‘l hemm.

Minħabba dan, il-laqgħa kellha tiġi aġġornata dak il-ħin stess, bis-Sindku Joseph Gatt ser ikun qed issejjaħ laqgħa urgenti fil-jiem li ġejjin.

Ir-riżoluzzjoni dwar il-Pjazza tal-Mosta tgħid li mid-9 sal-15 ta’ Awwissu, fil-ġimgħa tal-festa, iz-zona se tingħalaq b’tali mod li l-ħinijiet ikunu dawk li tas-soltu – li jintużaw fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ Santa Marija, biex ma jxekklux l-attivitajiet ippjanati mill-Knisja, is-soċjetajiet u l-għaqdiet Mostin, bil-koperazzjoni sħiħa tal-pulizija u l-forzi tal-ordni.

Apparti minn hekk, mill-ewwel weekend tal-bidu ta’ Settembru ċ-ċentru tal-Mosta, jiġifieri Pjazza Rotunda u Triq il-Kungress Ewkaristiku, ma jibqax jingħalaq kif seħħ fl-aħħar xhur u t-traffiku jibqa’ jitħalla jgħaddi, dejjem diment li ma jkunx hemm attività komunitarja jew kummerċjali. Dan abbażi tal-fehma ta’ numru kbir ta’ residenti u entitajiet kummerċjali. Kif spjega s-Sindku stess ma’ dan l-istazzjon.

Il-Kunsill Lokali bi tmexxija Nazzjonalista qed jinsisti li se jibqa’ kommess li jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni maz-zoni kollha tal-Mosta sabiex jara li jitjieb l-immaniġġjar tat-traffiku f’din il-lokalita.