Il-Qorti ddikjarat li l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Eks Ministru Laburista u llum Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna jridu jgħaddu ġuri b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet. il-Maġistrat Leonard Caruana ddikjara li l-akkużati kollha għandhom każ xi jwieġbu.
L-akkużati ma lissnux kelma malli saret magħrufa d-deċiżjoni tal-Qorti, b’Fearne jirrimarka biss “as expected”. Il-Qorti imponi sensiela ta’ kundizzjonijiet. Kull akkużat għandu jindika n-numru tal-mowbajl u l-email tiegħu. Jeħtieġ li jinfurmaw lill-Qorti b’kull bidla fin-numru jew l-email u hemm garanzija personali ta’ €10,000 għal kull wieħed biex jiżguraw li jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet kollha
Kmieni dalgħodu, il-Maġistrat Leonard Caruana qara digriet li fih jiddikjara li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. Apparti Fearne u Scicluna, ma’ dan il-grupp hemm 12-il persuna oħra – fosthom Wasay Bhatti, li kien involut fil-kumpanija Accutor AG li tat ħlasijiet lil Joseph Muscat.
Wieħed irid ifakkar li l-Prim Ministru, ftit tal-jiem ilu, kien stqarr li kellu jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum sabiex jiddeċiedi jekk mill-ġdid jinnominax lil Chris Fearne għal Kummissarju Ewropew – xi ħaġa li ovvajment issa mhux se tiġri.
Apparti minn hekk, Chris Fearne għadu Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u deputat Laburista fil-Parlament Malti.
Intant, il-proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ se jissoktaw ix-xahar id-dieħel, fit-22 ta’ Awwissu.
Il-Qorti laqgħet ordni ta’ ffriżar ta’ €20 miljun fir-rigward ta’ Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia. Fejn jidħlu Kenneth Deguara, Deborah Anne Chappell u l-Avukati tad-DF il-Qorti ħarġet ordni ta’ ffriżar temporanju.
L-istess kundizzjonijiet għadhom kif ġew imposti fuq Wasay Bhatti fil-kapaċità personali tiegħu u bħala rappreżentant ta’ Accutor u Spring Healthcare Services AG. Il-Qorti ddikjarat ukoll li Bhatti għandu każ xi jwieġeb. Fil-każ ta’ Bhatti, il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar.
Bhatti jinsab akkużat kemm fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Accutor AG u Spring Healthcare Services AG, żewġ kumpaniji Żvizzeri maħsuba li ntużaw mill-konċessjonarji tal-isptar bħala parti minn fond politiku slush.
Il-prosekuturi qalu li l-avukat Pakistani għen biex jiffaċilita l-ħlasijiet tat-tixħim lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Eks Ministru Konrad Mizzi u lill-Eks Chief of Staff tal-OPM Keith Schembri. Il-Maġistrat ma laqgħex biss it-talba fuq il-prima facie tal-kumpanija Scicca Grill u laqa’ t-talba tal-avukati tagħha Franco Debono, Marion Camilleri u David Bonello li mill-provi li nstemgħu sa issa mhemmx każ ta’ prima facie.
Fearne u Scicluna huma parti mit-tieni grupp li tpoġġew taħt att ta’ akkuża; l-istess bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan ifisser li issa għandna t-tieni Maġistrat li qed jgħid b’mod mill-aktar ċar, li dawn il-politiċi Laburisti għandhom jgħaddu ġuri dwar reati u abbużi serji li wasslu biex il-poplu Malti jinsterqulu tliet sptarijiet u miljuni kbar ta’ ewro.
//= $special ?>