Sport

It-Tim Olimpiku tar-Refuġjati tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fil-Villaġġ Olimpiku għal esperjenza unika

It-Tim Olimpiku tar-Refuġjati tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li jinkludi atleti, kowċis u ufficjali, jinsab fil-Villaġġ Olimpiku għal esperjenza unika u differenti għall-kull membru tat-tim.

It-Tim Olimpiku tar-Refuġjati huwa magħmul minn 37 atleta minn oqsma differenti, li jgħixu fi 15-il pajjiż u se jikkompetu fi 12-il sport differenti .

L-ewwel laqgħa tat-tim tar-refuġjati kienet f’Bayeux, fin-Normandija, fejn l-atleti kellhom aċċess għal faċilitajiet ta’ taħriġ ta’ livell għoli biex ikomplu l-preparazzjoni tagħhom, u pparteċipaw ukoll f’diversi attivitajiet ta’ team building.

Masomah Ali Zada, Chef de Mission tat-Tim Olimpiku tar-Refuġjati, stqarr li bħala tim huwa grupp differenti ħafna – b’ħafna kulturi, lingwi u storja differenti – iżda wieħed jista’ jara li huwa tim magħqud fejn se jieħdu dan l-ispirtu u din l-għaqda f’Pariġi, fejn ser jippreżentaw dan it-tim uniku lid-dinja fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.

It-Tim Olimpiku tar-Refuġjati ta’ Pariġi 2024, li se jipparteċipa fil-Logħob Olimpiku għat-tielet edizzjoni konsekuttiva, huwa l-akbar sal-lum, li jirrifletti n-numru dejjem jikber ta’ refuġjati madwar id-dinja . F’Pariġi, it-Tim se jkun xhieda ta’  aktar minn 100 miljun persuna refuġjati madwar id-dinja.