Lokali

Ix-xenografu Marco Bartolo jingħata l-aħħar tislima

Dalgħodu, fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan, ingħatat l-aħħar tislima lil Marco Bartolo, ix-xenografu magħruf li ħadem ħafna kemm fuq il-palk tat-Teatru Manoel u kemm dak tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana.

Marco miet nhar it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 62 sena.

Bosta jibqgħu jiftakruh għall-attenzjoni tiegħu fid-dettall tax-xeni li kien jaħdem għal xogħlijiet teatrali bħalma huma drammi, kummiedji u anki pantomimi ta’ żmien il-Milied.

Fuq il-midja soċjali, bintu Rebecca kkummentat hekk: “Ħallejtna warajk nibkuk, kulħadd jgħidilna kemm kont artist bravu u ħadd ma kellu dubju minn dan, imma issa jibqa’ biss memorji bl-arti tiegħek,” qalet Rebecca, li żiedet tgħid li missierha ma kienx persuna tal-facebook imma fl-ewwel tliet sigħat mill-aħbar tal-mewt tiegħu l-“facebook infaqa’ b’wiċċek kulħadd isellimlek!”

Minbarra li kien xenografu ta’ ħila kbira, Marco kien ukoll attur u ħadem ukoll xogħol artistiku għal karrijiet tal-Karnival.

Xogħol ieħor tiegħu kien fil-Każin San Gabriel ta’ Ħal Balzan li għalih Marco kien ħadem statwetta ta’ Marija Annunzjata proprju qabel il-festa ta’ din is-sena. Din l-istatwetta hija l-aħħar xogħol li għamel.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ukoll sellem il-memorja ta’ Marco Bartolo, wild Balzani li ħadem bla waqfien fil-lokalità.