Lokali

“Pajjiżna għandu bżonn tmexxija nadifa” – Bernard Grech

In-nuqqas ta' azzjoni minn Robert Abela hija xhieda ta' kemm hu kompliċi fl-akbar frodi li qatt ra pajjiżna

Pajjiżna għandu bżonn tmexxija nadifa, u ma’ kull jum li jgħaddi, fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni, Robert Abela jkun qed jikkonferma aktar, li huwa kien u għadu kompliċi fl-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dalgħodu l-Qorti poġġiet lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Eks Deputat Prim Ministru, lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u lis-Segretarju Permanenti taħt att ta’ akkuża wara li ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex dawn, flimkien ma’ oħrajn, jgħaddu ġuri b’rabta mal-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna, dan filwaqt li tenna li Robert Abela m’għandux triq oħra ħlief li jiżgura li Edward Scicluna, Ronald Mizzi u dawk l-uffiċjali kollha li huma taħt att ta’ akkuża ma jibqgħux jokkupaw karigi pubbliċi.

Huwa qal li llum iktar minn qatt qabel, il-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna u Ronald Mizzi fil-karigi uffiċjali tagħhom, m’għadhiex aktar tenibbli. Għalhekk għandhom iwarrbu minnufih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech elenka li Robert Abela diġà ħalla ħafna ħsara ssir lil isem Malta għax ma sabx kuraġġ ifittex l-interessi ta’ pajjiżna u sostna li ma’ kull jum li jgħaddi Robert Abela jkun qed jikkonferma aktar li huwa kien u għadu midħla u kompliċi fl-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna.