Raġel tpoġġa taħt ordni ta’ sentejn probation wara li ammetta li kellu x’jaqsam ma’ kunsinja ta’ sigaretti misruqa, dik li skont il-liġi huwa każ li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. Sage Gauci ammetta li f’Awwissu 2020 laqa’ għandu jew xtara sigaretti tad-ditta Marlboro misruqa, li l-valur tagħhom kien jaqbeż l-€2,329.37.
Gauci ma nstabx ħati li kien fil-pussess jew kellu x’jaqsam fil-ġarr, twarrib, ħabi u d-dispożizzjoni ta’ kaxxa b’50 kartuna ta’ sigaretti tad-ditta Marlboro Red, wara li sar intervent u tfittxija mill-Pulizija fit-30 ta’ Awwissu tal-2020, fil-Belt Valletta.
Dawn is-sigaretti kellhom valur totali ta’ €880, b’Dazju tas-Sisa dovut ta’ €3,427, kif ukoll Dazju ta’ Importazzjoni u Taxxa fuq il-Valur Mizjud (V.A.T.) li jammontaw għal €506.88 u €866.50 rispettivament. Il-Qorti spjegat lil Gauci l-konsegwenzi jekk jikkommetti reat ieħor waqt il-perjodu operattiv ta’ din is-sentenza kif ukoll jekk ma jsegwix id-direttivi li se jingħatawlu fil-perjodu ta’ superviżjoni.
Gauci kien wieħed minn tmien persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi relatati ma’ serq, ħabi, pussess ta’ sigaretti bil-ħsieb li jiffrodaw lill-Gvern minn dazju u taxxa li jkun imiss jitħallas fuqhom, u xiri ta’ sigaretti misruqa.
Gauci huwa l-uniku wieħed li ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih fost it-tmien imputati l-oħra, bil-każ fil-konfront tal-oħrajn għadu għaddej.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ippresediet il-każ. L-Ispettur Joseph Mercieca mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>