Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ traffikar ta’ persuni

Raġel ta’ 67 sena residenti Ħad-Dingli, kien arrestat mill-Pulizija wara li minn investigazzjonijiet li saru b’mod konġunt bejn il-Pulizija u JobsPlus, instab li allegatament daħħal f’Malta b’mod illegali numru ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

Minn investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien għamel applikazzjonijiet sabiex iġib Malta, u fil-fatt ġab, għadd ta’ ħaddiema prospettivi li qabeż ferm id-domanda reali ta’ ħaddiema li kellu bżonn in-negozju tiegħu biex jopera. Allegatament huwa għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti, billi stqarr li għandu bżonn dan in-numru ta’ ħaddiema sabiex ikun jista’ jopera tliet restoranti, meta wieħed minnhom kien fil-proċess li jagħlaq u ieħor kien għadu ma fetaħx.

Ir-raġel, li qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana, mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat bi traffikar ta’ persuni, dikjarazzjonijiet foloz u esplojtazzjoni, fost oħrajn.