Lokali Qorti

Sentejn ħabs wara li daħħal b’mod illegali persuni minn pajjiżi terzi

Anzjan ġie kkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li daħħal f’Malta b’mod illegali għadd ta’ persuni minn pajjiżi terzi. Hu ammetta li qarraq u li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti. Dan wara li stqarr li għandu bżonn dawn il-ħaddiema kollha biex ikun jista’ jopera tliet restoranti, meta wieħed minnhom kien fil-proċess li jagħlaq u ieħor kien għadu ma fetaħx.

Id-difiża u l-prosekuzzjoni qablu li isem ir-raġel ma jkunx ippubblikat fil-midja minħabba li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin rigward cittadini terzi li qegħdin Malta b’mod illegali waqt li qegħdin jigu intraċċati u mitkellma mill-Pulizija. Il-Qorti anzi ordnat divjett mhux biss fuq l-isem, iżda wkoll fuq l-età u l-post tal-oriġini tar-raġel.

L-investigazzjonijiet saru bejn il-Pulizija u l-JobsPlus. Il-Pulizija qalet li jirriżulta li r-raġel għamel applikazzjonijiet biex iġib, u fil-fatt ġab, f’Malta għadd ta’ ħaddiema prospettivi li qabeż ferm id-domanda reali ta’ ħaddiema li kellu bżonn in-negozju tiegħu biex jopera.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, ir-raġel ġie akkużat bi traffikar ta’ persuni, dikjarazzjonijiet foloz u esplojtazzjoni, fost oħrajn. L-Ispettur Karl Roberts li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li aktar kmieni dan ix-xahar waslu rapporti minn Jobsplus u Identità li kumpanija tal-akkużat kellha fuq kotba magħha ammont ta nies li jeċċedi ħafna iktar milli tista’ tħaddem.

Il-kumpanija għandha tliet restoranti. Wieħed jinsab fil-proċess li jagħlaq u ieħor għadu lanqas biss beda jopera. Ħafna minn dawn, li huma ta’ nazzjonalità Indjana, mhux veru qed jaħdmu ma’ din il-kumpanija u lanqas għandhom permess ta’ residenza f’Malta.

L-Ispettur Roberta qal li l-Pulizija bagħtet għal numru spstanzjali ta’ dawn l-Indjani li qalulu li f’pajjżhom raw rekalmi li hemm bżonn waiters, cleaners eċċ. biex jigu Malta u jaħdmu ma’ din il-kumpanija. L-Avukat Giannella de Marco qalet li l-akkużat għandu fedina penali nadifa, ikkopera mal-Pulizija u ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.

L-Avukat difensur għamlet rakkomandazzjoni lill-Awtorità tal-ħabs minħabba l-pressjoni għolja u dijabete li għandu. Il-ħati m’għandux ikun espost għal sħanat kbar u jkompli jiġi segwit minħabba l-kundizzjonijiet li jbati bihom. Il-prosekuzzjoni wkoll qablet ma’ sentenza fil-minimu minħabba li l-imputat ikkopera mal-awtoritajiet.

L-avukat Bernard Żarb mill-korporazzjoni Jobsplus, kien preżenti fl-awla. Wara li qieset kollox, il-Qorti kkundannatu sentejn ħabs effettivi.