Għawdex Lokali

Tkompli l-kritika kontra proġett ‘attroċi’ li se jwassal għat-tneħħija bla bżonn tas-siġar f’Għawdex

Din l-Art Ħelwa, Rota u l-Gozo Cycling Club huma kontra t-tneħħija bla bżonn ta’ siġar fit-triq bejn Marsalforn u r-Rabat, Għawdex, fil-proġett biex din it-triq titwessa’.  

Fil-11 ta’ April delegazzjoni minn Din l-Art Ħelwa ġew mistiedna biex jiltaqgħu mal-Ministru Clint Camilleri biex jiddiskutu dan il-proġett. Din il-laqgħa saret wara li Din l-Art Ħelwa talbet lill-Ministru biex jikkonsidra mill-ġdid dan il-proġett bla sens u ta’ ħsara għaliex jeqred 200 siġra f’dan il-wied sabiħ u trankwill bejn ir-Rabat u Marsalforn, u li jekk jiġi mwettaq jeqred l-ekosistema delikata tal-post. 

F’intervista lil Malta Independent, il-Ministru Camilleri qal li r-raġuni għalfejn għandha titwessa’ t-triq hija biex issir karreġġjata tar-roti. L-organizzazzjoni mhux governattiva ewlenija taċ-ċikliżmu f’Malta, Rota, kif ukoll il-Gozo Cycling Club ma ġewx ikkunsultati qabel ma saru l-pjanijiet. Rota saħansitra qalet li dan il-proġett huwa wieħed ‘attroċi’ u wissiet li t-toroq dritti ser jinstigaw għal iktar sewqan veloċi aktar milli ijervu għal mezzi alternattivi ta’ trasport.  

Waqt il-laqgħa ta’ April, il-Ministru Camilleri kien wiegħed li jibgħat id-disinji oriġinali tal-proġett b’emendi li ntwerew mill-arkitetti biex jiġu studjati minn Din l-Art Ħelwa, Rota u l-Gozo Cycling Club. 

Għalkemm il-Ministru ġie mfakkar kemm-il darba, wara aktar minn tliet xhur dawn il-pjanti qatt ma ntbagħtu.  

L-introduzzjoni ta’ karreġġjati tar-roti huwa dejjem inkorraġit, iżda dawn ma jistgħux jintużaw bħala skuża biex it-triq titwessa’ f’dan il-wied kwiet u jinqalgħu siġar bla bżonn.